Il-kantanta veterana Maltija Helen Micallef għaddiet għal ħajja ta’ dejjem fl-età ta’ 75 sena. Helen twieldet Birkirkara fit-8 ta’ Mejju tal-1950 u kienet ir-raba’ minn tmien aħwa, fosthom ukoll il-kantant magħruf Renato Micallef.
Sa minn età żgħira ħafna, Helen uriet talent kbir għall-mużika. Ta’ 11-il sena bdiet tieħu sehem fil-festivals taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara. Il-karriera tagħha bħala solista bdiet fl-età ta’ 16-il sena, u sena wara rebħet il-premju tal-Best Interpretation bil-kanzunetta Io di Notte waqt festival ta’ J.B. Cassar.
Ta’ 18-il sena Helen rebħet il-Malta Song Festival u fl-1972, fl-età ta’ 21 sena, ġiet magħżula biex tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest flimkien ma’ Joe Cutajar bil-kanzunetta L-Imħabba – mument storiku fil-mużika Maltija.
Wara li żżewġet, Helen irtirat temporanjament mill-kant biex tiddedika ħin għall-familja. Hija kienet omm Mary Louise, Vanessa u Gloriana, nanna ta’ tlieta – Matthew, Elaine u Alexandra – u bużnanna ta’ Thiago. Gloriana Arpa Belli hija kantanta lokali, filwaqt li bintha Lulu Arpa hija attivista favur il-ħarsien tal-annimali.
Fl-2021, Helen reġgħet dehret fuq il-palk waqt is-serata tad-dwetti fl-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika, fejn kantat flimkien mal-kantant AIDAN akkumpanjati mill-orkestra mmexxija mill-maestro Aurelio Belli, ir-raġel ta’ bintha Gloriana.
Fi Frar tal-2023, Helen u Joe Cutajar reġgħu ngħaqdu biex jinterpretaw L-Imħabba waqt serata speċjali tal-Malta Eurovision Song Contest li fakkret il-50 anniversarju mill-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision. Din kienet l-aħħar dehra tagħhom flimkien, hekk kif Joe Cutajar ħalliena fis-7 ta’ Marzu tal-2024.
Nagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familjari, qraba u ħbieb ta’ Helen Micallef. Strieħ fis-sliem għażiża! Grazzi talli qsamt it-talent sabiħ tiegħek magħna!