Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, tħabbar li Mużika Mużika ser ikun qed jixxandar fuq erba’ stazzjonijiet televiżivi lokali.
Din l-inizjattiva qed issir wara sejħa għall-interess li Festivals Malta għamlet lill-istazzjonijiet televiżivi prinċipali kollha sabiex ixandru l-festival, bis-sejħa tintlaqa’ minnufih.
Festivals Malta tirringrazzja lil TVM, ONE, F Living Channel u Smash TV li permezz ta’ dawn l-istazzjonijiet, Mużika Mużika ser ikun qed jitwassal b’mod dirett fid-djar ta’ eluf ta’ telespettaturi Maltin u Għawdxin.
Festivals Malta tħabbar ukoll li bħala parti mill-impenn kontinwu lejn aktar aċċessibbiltà, għall-ewwel darba Mużika Mużika se jkun qed jixxandar ukoll bil-lingwa tas-sinjali fuq TVM+.
Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-għan strateġiku ta’ Festivals Malta li tagħmel il-kultura u l-arti aktar aċċessibbli għall-udjenzi tagħha.
Fl-2025, Mużika Mużika laħaq aktar minn 390,000 telespettatur, u permezz ta’ din l-estensjoni fix-xandir din is-sena, il-festival issa mistenni jilħaq udjenzi aktar diversi u jkompli jkabbar il-bażi ta’ segwaċi tiegħu.