Illum jaħbat il-jum meta ħallietna l-attriċi veterana mibkija, Karmen Azzopardi. Karmen żgur li tibqa’ maħbuba mill-pubbliku Malti u Għawdxi.
Interpretat għadd kbir ta’ karattri tul is-snin li ħallew impatt. Il-palk minn meta kienet żgħira kienet tħobbu u baqgħet attiva fih.
Il-karriera tagħha tista’ tgħid li splodiet fis-snin 50 fejn it-talent tagħha kien apprezzat immensament, u bosta kumpaniji kienu jfittxuha sabiex tagħmel parti mill-produzzjonijiet tagħhom.
Karmen ħalliet din id-dinja fis-16 ta’ Marzu 2022, u dakinhar Malta tilfet wieħed mill-pilastri tal-ispettaklu u tal-arti.
Fost dawk li selmulha kien l-attur Mario Micallef.
“Kien propju bħal llum 4 snin li tlifna ikona kbira tat-teatru u tat-televiżjoni. Karmen Azzopardi kienet attriċi bravissima u maħbuba minn kulħadd. Kburi li mhux biss ħdimt magħha diversi drabi, imma konna ħbieb sinċiera u li bqajt magħha sa l-aħħar ta’ ħajjitha.”
Mario jkompli, “Grazzi għażiża tal-pariri siewja li kont tagħtini. Ma ninsa qatt il-memorji sbieħ li kellna bejnietna. Sa ma nerġgħu niltaqgħu Sa Karm, kompli strieħ fis-sliem għażiża.”
F’isem il-qarrejja ta’ Gwida.mt, minn hawn nirringrazzjaw lil Karmen ta’ kemm-il darba nislitilna tbissima, bikkietna u qanqlitilna kull xorta ta’ emozzjoni permezz tal-karattri li kienet qed tinterpreta. Għal dejjem f’qalbna għażiża, u Awguri fil-ġenna!