Fuq il-paġna Għidha Bil-Malti, il-persuna wara din il-paġna fetaħ qalbu dwar l-apprezzament tiegħu għall-festival Mużika Mużika, li jiċċelebra l-kanzunetti Maltin.
Hu kiteb, “U hekk għaddiet edizzjoni oħra ta’ Mużika Mużika, waħda mid-drabi tassew rari fejn ikolli l-pjaċir estatiku kbir insegwi festival għalkollox bil-Malti – mingħajr il-pressjoni li nintgħoġbu jew nakkomodaw lil min ma jifhmux. Tassew sensazzjoni sabiħa u ta’ liberazzjoni.”
Żied jgħid, “Nixtieq intenni dak li ntqal ilbieraħ mill-preżentaturi: sabiex ix-xena mużikali Maltija tassew tgħix, tikber u tiżviluppa, hemm bżonn li l-kanzunetti bil-Malti jindaqqu ħafna aktar fuq ir-radju lokali s-sena kollha. Dan il-festival jurina u jikkonferma kemm il-Malti kapaċi jadatta għal kull stil u ġeneru ta’ mużika, dejjem f’idejn min għandu ħila.”
Kompla jispjega, “Ħadt pjaċir b’kanzunetti bħal Twarrabnix ta’ Nikki Vella u Mark Tonna, dwar l-importanza li nħaddnu l-lingwa Maltija, u Glorja Lilek ta’ Lapes u Nadine, biex dak kollu li jagħmilna Maltin ma ninsewhx spejjeż tagħna. Fuq livell personali ħafna, l-iżjed żewġ kanzunetti li laqtuni lbieraħ kienu Ħej Siri ta’ Marija Bellia, dwar il-mistoqsijiet eżistenzjali li jduru f’rasi mhux ħażin, u Niftakarna ta’ Daniel Cauchi, dwar meta l-memorji jibdew iħalluk ftit ftit. Madankollu, awguri minn qalbi lil Jasmine tar-rebħa mistħoqqa tagħha!”
Facebook / Għidha bil-Malti u Mużika Mużika