Il-Malta Records ħabbru rekord nazzjonali ġdid li tassew jispikka għall-oriġinalità tiegħu, hekk kif inkiser rekord li kien ġie stabbilit eżattament sentejn ilu.
Ftit tal-ġranet ilu, it-tim tal-Malta Records ġie mistieden f’garaxx fil-Gżira, post li ħafna qed isejħulu mużew minħabba dak li fih, sabiex jgħoddu u jikkonfermaw dan ir-rekord impressjonanti. Ir-rekord jikkonsisti fl-akbar ammont ta’ pinen (biros) differenti bir-reklami, b’total straordinarju ta’ 21,617-il pinna.
Din il-kisba notevoli saret minn Raymond Caruana, li b’dedikazzjoni u passjoni kbira rnexxielu jibni kollezzjoni unika li issa ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala rekord nazzjonali.
Il-garaxx ta’ Raymond sar attrazzjoni popolari ħafna, mhux biss man-nies tal-inħawi iżda wkoll ma’ bosta Maltin u turisti li jgħaddu minn hemm apposta biex jammiraw din il-kollezzjoni impressjonanti. Ħafna minn dawk li jżuru saħansitra jikkontribwixxu billi jħallu pinen ġodda, biex ikomplu jkabbru din il-kollezzjoni li hija tant għal qalbu.
Il-Malta Records faħħru l-kisba ta’ Raymond u awgurawlu saħħa, hena u kuntentizza, kif ukoll lill-familja tiegħu li hija tant maħbuba man-nies. Dan ir-rekord mhux biss juri passjoni personali li kibret f’xi ħaġa straordinarja, iżda wkoll kif interess sempliċi jista’ jinbidel f’attrazzjoni li tiġbed l-attenzjoni ta’ tant nies.
Facebook / The Malta Records