Post li ttellgħet fuq il-grupp popolari lokali Are You Being Served? qajjem diskussjoni sħiħa fuq ir-regoli relatati mal-ilbies f’żoni pubbliċi, wara li mara rrakkontat kif is-sieħeb tagħha ġie mmultat €70 f’San Pawl il-Baħar.
Skont il-post, ir-raġel kien mingħajr flokk waqt li kien qed jagħmel eżerċizzju fuq il-promenade, madwar 50 metru biss ’il bogħod mill-baħar. Hi insistiet li ma kienx qed jikkawża problemi, ma kienx taħt l-influwenza tal-alkoħol, u lanqas ma kien qed jfixkel lil xi ħadd, iżda xorta waħda spiċċa mmultat.
Il-mara spjegat li s-sitwazzjoni tqajjem mistoqsijiet dwar kemm huma ċari u konsistenti dawn ir-regoli. Filwaqt li fuq il-bajja huwa aċċettat li wieħed jilbes malji, jidher li ftit passi ’l barra minnha jistgħu jwasslu għal multa sostanzjali.
Hi sostniet li f’pajjiż bħal Malta, fejn il-kultura marbuta mal-baħar, ix-xemx u t-turiżmu hija ċentrali, dan it-tip ta’ infurzar jidher sproporzjonat. Saħqet ukoll li jekk sitwazzjonijiet bħal dawn jibdew jolqtu lit-turisti, jista’ jintbagħat messaġġ negattiv dwar il-pajjiż.
Il-post intemm b’appell għal diskussjoni pubblika dwar is-suġġett, b’min kitbu jikkunsidra anke li jibda petizzjoni biex dawn ir-regoli jiġu riveduti. Sadanittant, il-każ fetaħ dibattitu online, b’ħafna jistaqsu jekk multa ta’ €70 għal sitwazzjoni bħal din hijiex ġusta jew le.