“F’Ħajti Kelli Diversi Kapitli – Saċerdot, Għalliem, Manager, Kap Eżekuttiv, Viċi Sindku, Sindku, Deputat.” – Albert Buttigieg Itemm Il-Vjaġġ Politiku Tiegħu

L-eks Membru Parlamentari Albert Buttigieg ħabbar li se jkun qed jagħlaq il-kapitlu politiku tiegħu wara li ma rnexxilux ikun elett. F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Buttigieg feraħ lil dawk li ġew eletti filwaqt li qal li qed jaċċetta r-riżultat b’“serenità u onestà kbira”, u sostna li kull bidu għandu tmiemu.

Huwa rrifletta fuq il-karriera twila tiegħu f’diversi oqsma, fejn serva bħala saċerdot, għalliem, manager, kap eżekuttiv, viċi sindku, sindku u deputat. Qal li kull wieħed minn dawn il-kapitli ġab miegħu kemm mumenti pożittivi kif ukoll sfidi.



Buttigieg sostna li matul il-ħidma politika tiegħu dejjem ipprova jkun vuċi favur il-ġid komuni u l-interessi tar-residenti, filwaqt li enfasizza li baqa’ leali lejn il-valuri tiegħu anke meta kien qed jiffaċċja pressjonijiet biex jagħmel mod ieħor.



“Ninsab kburi li matul dan iż-żmien dejjem bqajt konsistenti mal-valuri tiegħi,” qal Buttigieg, filwaqt li żied li qed jitlaq mill-politika “kif dħalt, b’subgħajja dritt”. Minkejja li qed itemm il-karriera politika tiegħu, Buttigieg saħaq li se jibqa’ attiv bħala ċittadin privat u jkompli jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar temi li jqis importanti, fosthom l-ambjent, il-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni.

Huwa rringrazzja lill-partit għall-opportunitajiet li ngħata biex iservi lill-komunità, u wkoll irringrazzja wkoll lill-kollegi tiegħu u lill-familja tiegħu għas-sostenn li tawh matul is-snin. Fi tmiem il-messaġġ tiegħu, Buttigieg qal li jemmen fil-qawl Malti li jgħid li “meta jingħalaq bieb, jinfetaħ ieħor”, u sostna li l-ħajja u l-mixja tiegħu se jkomplu b’enerġija ġdida minkejja dan il-kapitlu li issa wasal fi tmiemu.



Ritratti:

Facebook / Albert Buttigieg

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI