Il-ferħ ta' qattusa ta’ madwar erba’ xhur issa għandha isem u qed tfittex dar permanenti biex tkun maħbuba u mħarsa. Animal Welfare Gozo qasmu l-istorja ta’ Minnie wara li l-ġimgħa li għaddiet kienu appellaw biex jaraw jekk kinitx annimal domestiku mitluf, iżda ħadd ma resaq ’il quddiem.
Minnie kienet tinsab f’sitwazzjoni perikoluża ħafna hekk kif kienet kważi ħa tintlaqat minn karozza. Fortunatament, fosterer tal-Animal Welfare Gozo nduna biha fil-ħin u ħadha f’post sigur.
Minn dakinhar, Minnie wriet kemm għandha karattru ħelu. Hija tortoiseshell sabiħa u, skont l-Animal Welfare Gozo, hija vera “purring machine”, hekk kif tibda tferfer, kull darba li tara bniedem. Barra minn hekk, tħobb ħafna t-tgħanniq u għandha natura kalma u ħelwa.
L-Animal Welfare Gozo qed jappellaw lill-pubbliku sabiex Minnie ssib il-familja perfetta u ideali għaliha, peress li ma jistgħux jirriskjaw li Minnie terġa’ tispiċċa fit-triq waħedha u abbandunata.
Min hu interessat li jagħti lil Minnie dar permanenti u mimlija mħabba, jista’ jikkuntattja lill-Animal Welfare Gozo permezz ta’ messaġġ privat.
Ritratti: Animal Welfare Gozo