Kate waslet Pariġi flimkien ma’ ommha u missierha, b’xi ħaġa prezzjuża: it-tama. Għaliha u għall-familja tagħha, din il-wasla timmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid fil-vjaġġ tagħha.
Fil-jiem li ġejjin, Kate se tkun qed tagħmel trattament Dezawa MUSECells® ma’ Neorgana, li warajh se jsegwu ġimagħtejn ta’ terapiji newroloġiċi intensivi, fosthom Laser Therapy ma’ OTEIM u GyroStim Therapy ma’ NeuroRecup.

Il-ġenituri tagħha qasmu kif, qabel ma ħadu din id-deċiżjoni, tkellmu ma’ familji oħra li għaddew minn esperjenzi simili. Għalkemm jafu li kull tifel u tifla huma differenti, dawn l-istejjer tawhom raġuni oħra biex jemmnu, jippruvaw u jibqgħu jittamaw.
L-akbar ħolma tagħhom hi li jibqgħu jaraw lil Kate tissaħħaħ fiżikament u tkompli tiżviluppa u titgħallem. Huma jixtiequ wkoll li tkun tista’ tikkomunika aktar u li ssir indipendenti.
Għall-familja, dan it-trattament huwa xi ħaġa ġdida fil-vjaġġ ta’ Kate u jafu li m’hemmx garanziji, iżda dan ma waqqafhomx milli jibqgħu jfittxu kull opportunità possibbli għaliha.“Meta niġu għalija, Mum u Dad dejjem se jfittxu, dejjem se jiġġieldu, u dejjem se jagħtuni kull opportunità li jistgħu,” kitbet fuq il-paġna.
Fl-aħħar Kate talbet lil dawk kollha li jsegwuha, biex iżommuha fil-ħsibijiet tagħhom u aħna wkoll nixtiequlha r-risq għal dan il-kapitlu l-ġdid f'ħajjitha!

Ritratti: Kate: Writing My Story