Imut L-Imħallef Emeritu Silvio Meli – Karriera Twila Fis-Servizz Tal-Ġustizzja

Tħabbret il-mewt tal-Imħallef Emeritu Silvio Meli, li ħalliena fl-età ta’ 72 sena wara karriera twila fil-qasam legali u fil-ġudikatura Maltija. Imwieled fl-1954, Meli studja l-liġi fl-Università ta’ Malta, flimkien ma’ diversi oqsma oħra fosthom l-ekonomija, is-soċjoloġija u l-filosofija. Aktar tard kompla l-istudji tiegħu fid-drittijiet tal-bniedem u fil-liġi Ewropea, fost oħrajn.

Wara esperjenza fil-prattika privata, huwa serva fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Avukat tar-Repubblika u Avukat tar-Repubblika Anzjan. Sussegwentement ingħaqad mal-ġudikatura bħala Maġistrat u Maġistrat Anzjan, sakemm f’April tal-2011 inħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri. Huwa rtira mill-kariga fit-30 ta’ April tal-2019.

Meli kellu interess qawwi fil-Filosofija tad-Dritt, id-Drittijiet Fundamentali u l-Liġi tal-Unjoni Ewropea, u għallem kemm fl-Università ta’ Malta kif ukoll fl-Università ta’ South Texas fl-Istati Uniti. Kien attiv ukoll fl-amministrazzjoni tal-isport u serva bħala President tal-ASA.

Huwa kien awtur ta’ diversi kotba. L-aktar wieħed riċenti tiegħu, Judgecraft and the Art of Rhetoric, ġie ppubblikat proprju x-xahar li għadda minn Kite Group. L-aħħar tislima lill-Imħallef Emeritu Silvio Meli se tingħata nhar il-Ħamis fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi, fit-8:30 ta’ filgħodu.

Kondoljanzi lill-familjari u l-qraba tiegħu. Strieħ fis-sliem.

Ritratti:

Facebook / Myriam Spiteri Debono

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI