“Għenni Nikber B’Ħafna Modi” – Chrizaya Attard Issellem Lit-Titlu Ta’ Junior Miss International Malta

Kapitlu importanti wasal fi tmiemu għaż-żagħżugħa Chrizaya Attard, hekk kif temmet il-vjaġġ tagħha bħala l-ewwel Junior Miss International Malta 2025. F’messaġġ mill-qalb li qasmet fuq il-midja soċjali, Chrizaya ħarset lura lejn esperjenza li ddeskriviet bħala waħda inkredibbli u sinifikanti, u li għenitha tikber fuq livell personali.

“U hekk spiċċat il-vjaġġ tiegħi bħala l-ewwel Junior Miss International Malta 2025… Kien vjaġġ inkredibbli u tant sinifikanti għalija! Għenni nikber f’ħafna modi li lanqas nista’ niddeskrivihom!” kitbet. Tul dan il-vjaġġ, Chrizaya mhux biss kisbet titlu, iżda bniet ukoll ħbiberiji ġodda ma’ tfajliet li llum tqishom bħala “ħutha tal-pageants”. Hija esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-familja ta’ Miss Malta, ħbiebha u l-familjari tagħha għall-appoġġ kontinwu li rċeviet.

Is-sensazzjoni li titla’ fuq il-palk hija waħda mill-memorji li se tibqa’ tgħożż. Chrizaya spjegat li l-esperjenza għallmitha ħafna dwar il-ħbiberija, ir-responsabbiltà, id-dixxiplina, il-gratitudni u l-importanza li temmen fiha nnifisha. “Kien ta’ unur kbir għalija li rrappreżentajt il-lokalità li nħobb l-aktar, il-Belt Valletta, u li stajt nirbaħ l-ewwel titlu ta’ Junior Miss International Malta 2025,” kompliet tgħid.

Chrizaya rringrazzjat b’mod speċjali lid-direttur tagħha Kersten Borg, lil martu Shanice Borg u lit-tim kollu ta’ Miss Malta talli għamlu din l-esperjenza possibbli. Kellha wkoll ringrazzjament mill-qalb għall-familja tagħha, li ddeskriviethom bħala l-akbar sostenituri tagħha matul il-vjaġġ. Hija temmet il-messaġġ tagħha billi awgurat l-isbaħ xewqat lil “ħutha tal-pageants” għall-avventura tagħhom, filwaqt li wegħdithom li se tkun hemm tappoġġjahom.

Għal Chrizaya, il-kuruna setgħet immarkat titlu wieħed, iżda l-esperjenzi, il-ħbiberiji u l-memorji li ħadet minn dan il-vjaġġ żgur li se jibqgħu magħha għal ħafna aktar żmien.

Ritratti:

Facebook / Chrizaya Attard

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI