Il-paġna uffiċjali ta' Eurovision Song Malta reġgħet fakkret wieħed mill-aktar mumenti ikoniċi u memorabbli fl-istorja mużikali ta' pajjiżna: il-jum meta Malta kitbet isimha b’ittri tad-deheb fix-xena tal-Junior Eurovision Song Contest grazzi għall-vuċi unika ta’ Gaia Cauchi.
Kien fis-sena 2013 meta t-tfajla ċkejkna telgħet fuq il-palk internazzjonali bil-kanzunetta The Start, fejn b’kunfidenza u talent straordinarju rnexxielha tirbaħ il-qlub tal-ġurija u tal-udjenza Ewropea, u ġabet magħha l-ewwel rebħa assoluta għal Malta f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża. Dik il-prestazzjoni kienet biss il-bidu ta' kapitlu ġdid għall-industrija lokali.
Kif fakkret il-paġna, dak il-mument kien tassew il-bidu tal-vjaġġ tagħha. Minn dakinhar 'l hawn, il-karriera ta' Gaia kompliet tevolvi b'mod notevoli, fejn ħaditha fuq palkijiet internazzjonali oħra, fosthom The X Factor UK u l-kompetizzjoni New Wave ġewwa r-Russja u rat il-maturazzjoni tagħha bħala kantanta u kantawtriċi moderna. Il-post qanqal nostalġija kbira fost is-segwaċi, li minnufih bdew jaqsmu l-memorji tagħhom ta' dak il-lejl maġiku li għaqqad lill-pajjiż kollu wara talent lokali pur.
Nawgurawlek kull suċċess Gaia
Facebook/Eurovision Song Malta