Storja li tassew tmiss il-qalb hi dik ta’ Luca, ġuvni ta’ 15-il sena li ddeċieda li jibdel l-imħabba tiegħu lejn il-ġiri f’ġest sabiħ ta’ solidarjetà, hekk kif missieru qed jiffaċċja battalja diffiċli kontra l-kanċer. F’Ġunju tas-sena li għaddiet, missier Luca ġie dijanjostikat b’kanċer fl-esofagu. Wara li saritlu operazzjoni f’Diċembru, il-familja kienet irċeviet l-aħbar sabiħa li kien fieq. Madankollu, ix-xahar li għadda, kollox inbidel meta saru jafu li l-kanċer reġa’ feġġ u din id-darba jinsab fi stadju terminali.
Quddiem din ir-realtà diffiċli, Luca ħass li kellu jagħmel xi ħaġa biex juri l-appoġġ tiegħu lejn missieru. "Ħaġa li nieħu gost nagħmel hi l-ġiri, u ħassejt li ma kienx biżżejjed li noqgħod hemm nara lil missieri jiġġieled għal ħajtu. Kelli bżonn nagħmel xi ħaġa," spjega ż-żagħżugħ.
Peress li għadu taħt l-età biex jieħu sehem f’maratoni, Luca ddeċieda li joħloq sfida personali billi jiġri għadd ta’ distanzi ta’ ħames kilometri. L-għan tiegħu hu li sal-aħħar ta’ Novembru jkun ġera total ta’ 125 kilometru! Permezz ta’ din l-isfida, Luca qed jiġbor donazzjonijiet għal organizzazzjoni tal-karità li għandha post speċjali fil-qlub tal-familja tiegħu.
Huwa saħaq li kull donazzjoni, tkun kemm tkun żgħira, hija apprezzata ferm. Fl-istess waqt, spjega li dawk li ma jistgħux jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja jistgħu xorta jgħinu billi jaqsmu l-istorja tiegħu ma’ oħrajn. Minkejja l-età żgħira tiegħu u ċ-ċirkostanzi diffiċli li qed tgħaddi minnhom il-familja, Luca qed jagħżel li jagħmel differenza permezz ta’ xi ħaġa li jħobb.
Ġest ta’ mħabba minn iben lejn missieru, li jfakkarna kemm anke l-iżgħar fostna jistgħu jagħmlu affarijiet kbar. Minn qalbna nawguraw lil Luca kull suċċess f’din l-isfida u ħafna kuraġġ lill-familja kollha f’dan iż-żmien diffiċli.
Idħol HAWN biex tagħti d-donazzjoni tiegħek!