Jitneħħew Aktar Minn 90,000 Litru Ħama Minn Ġibjun Storiku Taħt Il-Kunsill Lokali Ta’ Ħaż-Żebbuġ

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi, qasam fuq il-midja soċjali dettalji dwar xogħol estensiv ta’ tindif li sar fil-ġibjun li jinsab taħt l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, ġibjun li għandu importanza kbira għall-ħażna tal-ilma tax-xita u għat-tisqija tas-siġar fil-lokalità.

Huwa spjega li wara sajf sħiħ li matulu ntużaw madwar 35,000 litru ilma kull ġimgħa għat-tisqija tas-siġar, fl-aħħar irnexxielhom jaslu sal-qiegħ tal-ġibjun. Dan ippermetta li jsir tindif estensiv, li matulu tneħħew aktar minn 90,000 litru ħama li kienu akkumulaw matul is-snin.

Minbarra l-ħama, il-ħaddiema neħħew ukoll ammont ta’ ġebel li kien intrema fil-ġibjun, kif ukoll għeruq li kienu niżlu mis-saqaf. Is-Sindku faħħar il-ħidma tal-ħaddiema li wettqu dan ix-xogħol f’kundizzjonijiet xejn faċli. Il-ġibjun huwa struttura impressjonanti li fiha 24 ħnejja, b’fond ta’ 6.5 metri u tul ta’ 27.5 metru. Għandu kapaċità li jaħżen sa 600,000 litru ilma tax-xita, li jintuża mill-Kunsill Lokali għall-bżonnijiet tiegħu.

Zammit Lupi saħaq fuq l-importanza li dan il-wirt jiġi mħares u ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri. "Dan il-ġibjun huwa sors vitali ta' ilma għall-użu tal-kunsill. Wirt tal-ilma maħluq minn missirijietna li rridu nippreservaw għall-ġejjieni," kiteb is-Sindku. Ħidma li mhux biss tgħin biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-ilma, iżda wkoll biex jitħares wirt importanti li ħallewlna missirijietna.

Ritratt:

Facebook / Steve Zammit Lupi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI