It-tenur Malti Cliff Zammit Stevens inħatar id-Direttur Artistiku l-ġdid ta’ KorMalta, il-Kor Nazzjonali ta’ Malta. L-aħbar tħabbret mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA), li laqgħet lil Cliff f’dan ir-rwol ġdid. Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, l-aġenzija spjegat li Cliff se jkun qed jingħaqad ma’ KorMalta b’viżjoni artistika ċara u b’impenn qawwi biex ikompli jiżviluppa l-mużika korali f’pajjiżna.
Din il-ħatra tasal fi żmien importanti għall-kor nazzjonali, hekk kif qed ikompli jaħdem biex isaħħaħ l-identità artistika tiegħu, jinvesti fl-iżvilupp tal-kantanti u l-mużiċisti, u jippreżenta produzzjonijiet korali ambizzjużi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. L-aġenzija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li qed tilqa’ lil Cliff fi ħdan il-komunità tagħha, filwaqt li saħqet fuq l-importanza tal-ħidma kollettiva bejn id-direttur artistiku, il-kantanti, il-mużiċisti u t-tim kollu li jaħdem wara KorMalta.
Cliff Zammit Stevens huwa isem magħruf fix-xena mużikali Maltija, b’esperjenza fil-qasam tal-mużika klassika u l-opra. Permezz ta’ din il-ħatra, se jkun qed jiftaħ kapitlu ġdid fil-karriera artistika tiegħu. L-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva temmet il-messaġġ tagħha billi awgurat lil Cliff kull suċċess f’dan ir-rwol ġdid, filwaqt li esprimiet il-ħerqa tagħha għall-proġetti u l-ħidma li hemm quddiemhom.
Minn qalbna nawguraw lil Cliff Zammit Stevens kull suċċess f’din l-avventura ġdida!
Facebook / Cliff Zammit Stevens