Ċertament li hi sensiela li għandha tiġbed interess kbir. Is-sensiela Il-President li se tibda tintwera fuq Tokis, l-istazzjon ta’ GO se tara lill-attur lokali Fabian Scerri de Carlo jinbidel fil-karattru ta’ Peppi Azzopardi.
Peppi Azzopardi, il-preżentatur maħbub iżda kultant kemxejn kontroversjali għall-opinjonijiet tiegħu. Hu dejjem jiġġieled għad-drittijiet ta’ dawk li ma tantx għandhom vuċi. Lil Peppi Azzopardi rajnieh għal snin twal jippreżenta l-programm ta’ diskussjoni Xarabank u mhux l-ewwel darba li ismu ssemma fil-qasam politiku.
It-trasformazzjoni ta’ Fabian Scerri de Carlo f’Peppi Azzopardi hija waħda kumplessa u ċertament li dan hu karattru ta’ sfida kbira għal Scerri de Carlo, minħabba l-fatt li jrid jidħol fiż-żarbun ta’ personalità lokali li kulħadd jaf.
It-tim ta’ Il-President jiktbu, “Il-proċess biex Fabian Scerri de Carlo jinbidel f’Peppi Azzopardi kien twil u intens. Grazzi għal Producer tagħna Diane Portelli bl-għajnuna ta’ Marcelle Genovese magħrufa għax-xogħol fuq films kbar ta’ Hollywood, Fabian seta’ jiffoka fuq l-interpretazzjoni ta’ Peppi. Għandna ġenn biex naqsmu magħkom dak li għamilna fis-serje l-ġdida IL-PRESIDENT, l-għada tal-Istrina fuq TOKIS ta’ GO TV.”
Intom ħerqana?
Facebook / Il-President