Dan il-Milied, agħżel rigali li għandhom aktar tifsira u li żgur se jferrħu lil dawk li tħobb – agħżel rigali magħmula bl-idejn li għandhom storja x’jirrakkontaw mingħand l-artiġjani lokali tagħna!
Hekk kif joqrob żmien il-festi, għal darb’oħra l-Malta Crafts Foundation qed tħeġġeġ lill-komunità lokali biex tagħti aktar tifsira lill-Milied u jintagħżlu rigali mingħand l-artiġjani lokali permezz tal-kampanja mmirata tagħha, #AgħżelLokali.
Dawn ir-rigali jfissru ferm aktar minn sempliċement oġġett imgeżwer taħt is-siġra tal-Milied – hija deċiżjoni konxja li ġġib magħha impatt reali. Meta tixtri mingħand artiġjan lokali, tkun qed tgħin fil-preservazzjoni tal-artiġjanat tradizzjonali u tal-wirt kulturali, filwaqt li tkun qed issostni wkoll l-għajxien tagħhom.
Minn oġġetti taċ-ċeramika u ħġieġ għal tessuti, xogħol tal-injam, ġojjellerija u ħafna aktar, ir-rigali artiġjanali ħafna drabi huma uniċi u jistgħu wkoll jiġu personalizzati, u għalhekk isiru saħansitra aktar sinifikanti u memorabbli għal dawk li jkunu maħsuba għalihom.
Billi tippromwovi l-abbiltà u l-ħila tal-artiġjani lokali u tqajjem kuxjenza dwar it-talent li għandna fil-komunitajiet tagħna, il-Fondazzjoni qed tfakkar lil kulħadd li l-aktar rigali li jolqtu mill-qalb ħafna drabi jistgħu jinstabu lokalment.
Santa’s Workshop fil-Villaġġ tal-Artiġjanat ta’ Ta’ Dbieġi
L-inizjattivi tal-Milied jinkludu wkoll l-attività annwali fil-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Dbieġi f’Għawdex – Santa’s Workshop – li din is-sena se ssir nhar is-Sibt, 13 ta’ Diċembru, bejn l-10:00h u l-16:00h. Bħal dejjem, id-dħul huwa bla ħlas, u l-ġurnata se tkun mimlija divertiment, prodotti artiġjanali, rigali, u sorpriżi sbieħ!
F’din il-ġurnata, il-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Dbieġi jieħu l-ħajja hekk kif l-artiġjani jiftħu l-workshops tagħhom, juru x-xogħol tagħhom, u joffru l-prodotti magħmula bl-idejn. Il-viżitaturi jistgħu jagħmlu dawra fil-villaġġ f’atmosfera festiva, jiltaqgħu mal-artiġjani, u jagħżlu minn firxa kbira ta’ rigali.
Minbarra ikel u ħelu staġjonali, il-logħob u l-attivitajiet għat-tfal u l-familji, kif ukoll għadd ta’ karattri li jkunu qed iduru mal-villaġġ lesti biex jieħdu ritratt mal-viżitaturi, se jkun hemm ukoll treasure hunt li toffri mod uniku biex tesperjenza l-villaġġ flimkien maċ-ċans li tirbaħ vawċer ta’ €100 biex tkompli tixtri r-rigali tal-Milied tiegħek!
Swieq Artiġjanali madwar il-gżejjer
Barra l-attività f’Għawdex, il-Fondazzjoni qed tikkoordina diversi swieq artiġjanali madwar il-gżejjer Maltin li joffru l-opportunità perfetta biex tixtri lokali dan il-Milied, fosthom is-swieq artiġjanali waqt Fairyland u Rigal b’Imħabba.
Fairyland, li se tintrama fid-daħla tal-Belt Valletta bejn il-5 ta’ Diċembru 2025 u l-4 ta’ Jannar 2026, toffri esperjenza ta’ villaġġ tal-Milied maġiku, mogħni b’attivitajiet varji b’tema tal-Milied, ikel u xorb, dekorazzjoni festiva, u l-artiġjana lokali li se jkunu hemm bi prodotti l-ġmiel tagħhom.
Rigal b’Imħabba, li se ssir fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta, bejn il-15 u l-24 ta’ Diċembru 2025, se tkun qed terġa’ tiġbor rigali għal tfal vulnerabbli li jinsabu f’riskju li jitilfu rigal speċjali dan il-Milied. Is-suq artiġjanali madwar il-pjazza mhux biss se joħloq atmosfera aktar festiva, iżda joffri wkoll lill-viżitaturi mod komdu u sabiħ biex jixtru rigali magħmula bl-idejn fil-qalba tal-belt kapitali.
Meta tagħżel li tixtri minn dawn is-swieq, mill-villaġġi artiġjanali ġewwa Ta’ Qali u Ta’ Dbieġi, jew minn artiġjani oħra madwar il-gżejjer, ma tkunx qed tixtri biss rigal – tkun qed twassal il-messaġġ li t-tradizzjonijiet Maltin huma importanti, li l-kreattività hija importanti, u li l-artiġjani tagħna jistħoqqilhom l-appoġġ tagħna!
Din il-Milied, agħmel ir-rigali tiegħek jgħoddu – #AgħżelLokali u skopri s-sbuħija, is-sengħa u l-qalb f’kull prodott magħmul f’Malta. Għal aktar dettalji dwar dawn l-inizjattivi, żur il-website tal-Malta Crafts Foundation fuq maltacrafts.org jew segwihom fuq Facebook u Instagram.