Aktar Minn 850 Ktieb Bil-Malti Jinsabu Fi Triqthom Lejn L-Awstralja, L-Kanada, R-Renju Unit, L-Istati Uniti, L-Italja U L-Belġju

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni rigward mijiet ta’ kotba bil-Malti li jinsabu fi triqthom lejn diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Huma qalu, “Aktar minn 850 ktieb bil-Malti jinsabu fi triqthom lejn l-Awstralja, l-Kanada, r-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Italja u l-Belġju bħala parti minn inizjattiva ġdida li se toħloq libreriji għall-Maltin li jgħixu madwar id-dinja.”

Żiedu jgħidu, “Id-Direttorat għas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra, fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, ingħaqdu ma’ aġenziji nazzjonali oħra, fosthom l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u Libreriji Maltin, biex jistabbilixxu dawn il-libreriji f’żoni li jistgħu jilħqu komunitajiet kbar ta’ Maltin li jgħixu barra.”

Qalu wkoll, “L-ewwel kotba f’din l-inizjattiva waslu fl-Ambaxxata Maltija fi Brussell, il-Belġju, ftit xhur ilu. Kotba oħra li ngħataw b’donazzjoni għal din il-kollaborazzjoni issa qed jintbagħtu wkoll lill-ambaxxati l-oħrajn. Sabiex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni, d-Direttorat iffirma wkoll ftehim maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti biex jipprovdi servizzi lingwistiċi lid-direttorat kif ukoll lill-komunitajiet Maltin li jgħixu barra, bi pjanijiet għall-proġetti oħra fil-futur li jippromwovu l-ilsien Malti fost il-Maltin imxerrdin madwar id-dinja. Il-libreriji barra l-pajjiż se jinkludu għażla ta’ ġeneri u temi għal kull età u interess, inkluż comics u stejjer popolari maqluba għall-Malti, li juru d-diversità tal-wirt nazzjonali tal-pajjiż. Filwaqt li ħafna mill-kotba huma bil-Malti, Libreriji Maltin taw ukoll kotba bl-Ingliż dwar il-wirt kulturali tal-pajjiż. Dan joffri opportunità lil dawk li ma jafux il-lingwa Maltija biex isiru jafu u jinvolvu ruħhom fl-istorja u l-kultura tal-gżejjer Maltin.”

Temmew, “Dawn il-libreriji ġodda, flimkien ma’ inizjattivi relatati oħra, se jkunu għodda utli ħafna għall-missjonijiet diplomatiċi Maltin fit-tmexxija ta’ programmi edukattivi jew kulturali, hekk kif jippromwovu u jkattru l-interess fl-ilsien Malti. Se jnisslu wkoll skambju kulturali bejn il-gżejjer Maltin u l-komunitajiet Maltin u Għawdxin li jgħixu barra, sabiex jagħtu lil dawk li jżuru l-ambaxxati Maltin l-opportunità li jesploraw l-għana tal-ilsien Malti.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI