Alexander Rybak reġa’ jinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif ikkonferma r-ritorn tiegħu fl-għażla Norveġiża għall-Eurovision Song Contest, bit-tama li jirrappreżenta lil pajjiżu għat-tielet darba.
Rybak sar isem magħruf madwar l-Ewropa fl-2009 meta rebaħ l-Eurovision bil-kanzunetta ikonika Fairytale, li sal-lum tibqa’ waħda mill-aktar rebħiet memorabbli fl-istorja tal-kompetizzjoni. Huwa reġa’ ġie fdat bir-rappreżentanza tan-Norveġja fl-2018 bil-kanzunetta That’s How You Write A Song, fejn irnexxielu jasal sal-finali u jżomm preżenza soda għall-pajjiż tiegħu.
Interessanti biżżejjed, fl-2015 Rybak kellu wkoll rabta ma’ Malta, hekk kif ħa sehem fil-kompożizzjoni tal-kanzunetta Still Here, interpretata minn Franklin Calleja fl-għażla Maltija għall-Eurovision. Dan juri kemm l-artist Norveġiż għandu rabtiet mużikali li jmorru lil hinn minn pajjiżu stess.
Issa, bir-ritorn tiegħu fl-għażla Norveġiża, Alexander Rybak qed jittama li jerġa’ jġib il-maġija tiegħu fuq il-palk tal-Eurovision u, possibbilment, jikteb kapitlu ġdid fl-istorja personali tiegħu f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża.
Facebook / Alexander Rybak