Filwaqt li ħafna minna bħalissa nkunu qed inħejju għall-festi, atleta Malti qed jagħżel li juża dan l-istaġun għal skop iktar profond. L-atleta Malti Zach Vella beda sfida li ftit biss jiddeċiedu li jieħdu. Din l-isfida tikkonsisti f’ġirja ta’ 60km kuljum għal sitt ijiem konsekuttivi, b’total ta’ 360km. Dan se jkun qed isir b’risq il-ġbir ta’ fondi għal YMCA Malta u l-proġetti tagħha li qed jaħdmu sabiex jgħinu dawk il-persuni li jinsabu bla saqaf fuq rashom.
Bejn is-26 u l-31 ta’ Diċembru, Zach se jkun qed jimpenja ruħu f’din il-maratona personali bit-tama li jinġabru biżżejjed fondi biex
· Jinħoloq appartament ġdid ta’ għajxien semi-indipendenti għal sitt persuni vulnerabbli.
· Jespandi l-YMCA Drop-In Centre ġewwa l-Ħamrun, li jipprovdi appoġġ immedjat lil min jinsab bla dar.
YMCA rrappurtat li din is-sitwazzjoni ta’ persuni mingħar akkomodazzjoni qed tiżdied b’rata allarmanti f’Malta, b’307 każ ġdid irreġistrat biss fl-2025 – numru li juri kemm hemm bżonn t’aktar servizzi u komunità li tisma’.
Għal Zach, din mhijiex biss sfida sportiva. Hija sejħa biex nagħtu kas ta’ realtajiet li kultant jintesew. Din l-isfida bla dubju se sservi ta’ sagrifiċċju li jgħolli vuċi favur min m’għandux fejn imur – speċjalment f’dan iż-żmien fejn kulħadd jixtieq ikun għall-irdoss, f’ambjent sigur u jħossu milqugħ.
Il-pubbliku jista’ jingħaqad ukoll bħala parti minn din il-ġirja jew isegwi dan il-vjaġġ kif ukoll jagħti d-donazzjonijiet tiegħu. Għal aktar informazzjoni AGĦFAS HAWN.
Instagram / homebound.mt