Il-vuċi u l-impenn fil-qasam tad-dinjità umana, id-djalogu interkulturali u l-inklużjoni soċjali wasslu lil Lynn Chircop Faure biex issir l-ewwel Maltija li qatt irċeviet dan ir-rikonoxximent simboliku magħruf bħala #Gogòl.
F’post emozzjonanti, Lynn qalet li dan ir-rikonoxximent huwa, “ċelebrazzjoni tal-impenn tiegħi lejn il-promozzjoni tad-dinjità umana, tad-djalogu interkulturali u tal-inklużjoni soċjali – xhieda ta’ kif tbissima tista’ ssir pont bejn il-persuni, il-komunitajiet u l-popli.”
Il-premju ngħata nhar il-Ħadd li għadda waqt serata mużikali organizzata minn AIDOragusa, f’okkażjoni tas-seba’ anniversarju mill-mewt taż-żagħżugħ Ragusan Damiano Pluchino. Matul l-avveniment, Giorgio Pluchino, bħala ambaxxatur, ippreżenta l-#Gogòl Nru. 2469 lil Lynn, ġest li jissimbolizza tama, solidarjetà u ġenerożità.
Lynn irrakkuntat kif fl-9 ta’ Diċembru 2023 tat rigal artistiku lill-komunità ta’ Ragusa meta ddedikat il-kanzunetta ‘Vivere in Me’, wara stedina biex tmexxi l-ewwel avveniment interġenerazzjonali ta’ AIDO Ragusa u tinterpreta l-kanzunetta ‘Over and Over’, iddedikata lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tal-organi. Aktar tard, hija nediet il-verżjoni bl-Ingliż ‘Living in Me’ waqt l-edizzjoni tal-2024 tal-Premju Formidabbli, organizzata mill-Membru Parlamentari Ivan Bartolo.
F’kitba oħra tad-9 ta’ Ottubru, Lynn tat kontribut fil-qasam etiku u legali b’analiżi dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-bniedem u r-riforma proposta dwar id-donazzjoni tal-organi f’Malta, b’appoġġ għat-tibdil mis-sistema opt-in għal opt-out u l-implikazzjonijiet soċjali tagħha.
Il-missjoni tagħha tkompli f’Malta bħala l-ewwel Maltese Smile Ambassador, bil-wegħda li taħdem b’aktar ħeġġa fil-qasam soċjali, kulturali u istituzzjonali, u li tkompli ġġib dawl fil-ħajja ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Lynn temmiet b’messaġġ li jġorr fih filosofija ta’ tama u ġenerożità: “Kull rigal għandu l-milestone tiegħu li jħalli marka, u kull tbissima li nagħtu u nirċievu tfakkarna li qegħdin mexjin fid-direzzjoni t-tajba.”
Facebook / Dr Lynn