Bħal-Lum 77 Sena Ilu Tpoġġiet L-Istatwa Tal-Qalb Ta’ Ġesù Fil-Pjazza Ta’ Spinola

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, St. Julian’s Malta qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni interessanti dwar x’ġara 77 ilu fil-villaġġ ta’ San Ġiljan meta tpoġġiet l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesu fil-pjazza Spinola wara wegħda.

Huma bdew billi qalu, “Data oħra importanti li seħħet bħal 77 sena ilu hija meta tpoġġiet l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù fil-pjazza ta’ Spinola. Il-flus biex issir l-istatwa bdew jinġabru wara wegħda li kienu għamlu l-Ġiljanizi u l-kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Amabile Bonanno, li jekk il-villaġġ ta’ San Ġiljan jeħlisha ħafif fil-gwerra jinbena dan il-monument. Dan tlesta u ġie mikxuf mill-Eċċelenza Tiegħu Monsinjur Mikiel Gonzi f’ Misraħ Spinola.”

Żiedu, “Din kienet ġrajja kbira għan-nies ta’ dak iz-zmien. Il-kortew telaq mill-parroċċa u għadda mit-triqat ta’ Sant’Anġlu, Birkirkara, Grenfell sal-Bajja ta’ Spinola. Il-kortew kien magħmul minn dawn l-għaqdiet: Scouts ta’ San Ġiljan, l-Iskola Primarja, Il-Leġjun ta’ Marija, ix-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’ Alla, l-Azzjoni Kattolika, M.U.S.EU.M, il-Każin tal-Banda, il-Clubs tal-Waterpolo tan-Neptunes u San Ġiljan, Patrijiet u Konfraternitajiet tal-kunventi ta’ Santa Rita u l-Buon Kunsill u l-Kapitlu tal-Parroċċa.”

Qalu wkoll, “Quddiem l-istatwa u mal-bażi tagħa gie mqiegħed altar ċkejken waqt li mad-dawra tal-bajja kienet imżejna bil-bnadar, bozoz u fjuri. L-Arċisqof Gonzi wasal fis-6.30pm u ġie milqugħ b’ċapċip u ferħ mill-poplu Ġiljaniż u mill-Kappillan Dun Anton Debono. L-Arċisqof indirizza lin-nies u wara kixef l-istatwa. Iċ-ċerimonja kompliet billi indaqq l-Innu ta’ San Ġiljan mill-Banda ta’ San Ġiljan u wara saret dimostrazzjoni bil-logħob tan-nar u imbagħad mijiet ta’ ħamiem ġew imtajra minn maġenb l-istatwa.”

Temmew jgħidu, “L-Arċisqof bierek l-Istatwa , għamel diskors ta’ l-okkażjoni u qara l-Att ta’ Konsagrazzjoni lill-Qalb ta’ Ġesu’ mal-poplu. Wara li s-Sagrament gie purċissjonalment mehud mill-Knisja tal-Kunċizzjoni għal ħdejn l-Istatwa, tkanta t-Te Deum. Fl-aħħar imbagħad, l-Arċisqof Gonzi ta l-Barka Sagramentali.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI