Nhar is-Sibt li għadda, waqt l-avveniment organizzat minn The Arena Sports Promotions, Blake Theuma Dougall kiseb rebħa storika fil-qasam tal-kickboxing. Blake, li huwa membru tat-team Jalen KickBoxing, rebaħ it-titlu Internazzjonali tal-WKA (World Kickboxing Association), u sar l-iżgħar atleta li qatt rebaħ dan it-titlu f’Malta, fl-età impressjonanti ta’ 9 snin biss.

Fil-ġlieda tant mistennija, Blake affronta lill-atleta Grieg Matteo Kodoss. B’saħħa, determinazzjoni u teknika eċċezzjonali, irnexxielu joħroġ rebbieħ, u kompla jikkonsolida ismu bħala wieħed mill-iżgħar talenti li qed jitfaċċaw b’potenzjal kbir.
Tul il-karriera tiegħu f’dan l-isport, Blake esperjenza biss telfa waħda, din kienet il-ħames rebħa konsekuttiva tiegħu, konferma ċara tat-talent u d-dixxiplina tiegħu fil-kickboxing.

Din ir-rebħa mhux biss hija unur personali għal Blake, iżda wkoll pass importanti għall-isport tal-kickboxing f’Malta, li qed jattira dejjem aktar żgħażagħ b’impenn u passjoni.