Caritas Malta Epilepsy Association Tfakkar – Il-Jum Internazzjnali Tal-Epilessija B’Avveniment Tat-Titjir Tat-Tajr

Biex tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Epilessija, li jaħbat nhar it-Tnejn 9 ta’ Frar 2026, Caritas Malta Epilepsy Association se tkun qed torganizza attività speċjali ta’ titjir ta’ tajr bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-epilessija u tippromwovi l-inklużjoni fis-soċjetà.

Matul l-attività, tajra pilota se ttir banner ta’ tliet metri fis-sema bil-kliem International Epilepsy Day flimkien mal-logo tas-CMEA. It-tajra, bħala simbolu ta’ libertà, tama u solidarjetà, tirrappreżenta l-appoġġ lejn dawk kollha li jgħixu bl-epilessija u l-familji tagħhom.

L-avveniment se jsir nhar is-Sibt, 7 ta’ Frar 2026, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-13:00 ta’ wara nofsinhar, ħdejn il-Funtana tat-Tritoni. Membri tal-kumitat tas-CMEA se jkunu preżenti fuq il-post biex iqassmu fuljetti informattivi u jispjegaw lill-pubbliku aktar dwar x’inhi l-epilessija, l-isfidi marbuta magħha, u l-importanza li l-persuni affettwati jingħataw l-appoġġ meħtieġ.



Żieda fl-għarfien tgħin biex jitneħħew miti komuni u tħeġġeġ diskussjoni miftuħa u pożittiva dwar din il-kundizzjoni. Il-Jum Internazzjonali tal-Epilessija jiġi mfakkar madwar id-dinja biex jenfasizza l-bżonn ta’ fehim aħjar u biex jiġu mħarsa d-drittijiet tan-nies li jgħixu bl-epilessija.



Permezz ta’ inizjattivi bħal din, is-CMEA tkompli ssaħħaħ il-missjoni tagħha li teduka, tappoġġja u tagħti s-setgħa lill-individwi u lill-familji affettwati mill-epilessija f’Malta. L-attività qed tittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Kite Flyers Malta.

Dettalji tal-Avveniment
– Data: is-Sibt, 7 ta’ Frar 2026
– Ħin: 10.00 – 13.00
– Post: Ħdejn il-Funtana tat-Tritoni, Furjana

Għal aktar informazzjoni:
– Caritas Malta Epilepsy Association
– Tel: (+356) 2219 9000
– Email: maltaepilepsy@gmail.com
– Website: www.caritasmalta.org/cmea



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI