Cherylis U Marie Emeh Jirbħu L-Kategorija Tagħhom Fil-Kompetizzjoni Lokali Kantamagħna!

Il-festival Kantamagħna reġa’ wassal lejla memorabbli mimlija mużika, emozzjoni u talent Malti, hekk kif intemmet is-7 edizzjoni tal-Kantamagħna Festival flimkien mal-edizzjoni tal-2026 tal-Kantamagħna Junior. Kien avveniment li ċċelebra l-vuċijiet ġodda u dawk stabbiliti, u wera kemm il-palk Malti għadu mimli potenzjal u passjoni.



Il-kantanta Cherylis ħarġet rebbieħa tal-Kantamagħna Festival (7 edizzjoni), wara prestazzjoni b’saħħitha. Fil-kategorija Junior, ir-rebħa marret għand Marie Emeh, li ġibdet l-attenzjoni bil-preżenza fuq il-palk u l-kontroll vokali tagħha, u b’hekk kisbet it-titlu ta’ Kantamagħna Junior 2026.



F’Kantamagħna Junior 2026, it-tieni post ingħata lil Mireille McKay, filwaqt li t-tielet post mar għand Ilyas Ige Sultana, żewġ prestazzjonijiet li wrew maturità artistika impressjonanti minkejja l-età żgħira tal-parteċipanti.



Fir-rigward ta’ Kantamagħna fis-sezzjoni tal-kbar, Kylie Micallef spiċċat fit-tieni post, segwita minn Maria Ellul fit-tielet post. Il-kantanti kollha ġew imfaħħra għall-impenn, id-dedikazzjoni u l-livell għoli li tellgħu fuq il-palk. Ir-rebbieħa ta’ din is-sezzjoni Cherylis tirbaħ ukoll kuntratt ta’ sena ma’ DCapitals Big Band fejn se jkollha ċ-ċans li tipparteċipa f’diversi avvenimenti minn tagħhom.

L-organizzaturi rringrazzjaw lil kull parteċipant li ħa sehem, filwaqt li fakkru li lil hinn mir-rebħ, kull prestazzjoni kienet xhieda tax-xogħol iebes, il-passjoni u l-imħabba għall-mużika. Kantamagħna għadu jservi bħala pjattaforma importanti biex jitrawmu u jissaħħu t-talenti lokali, kemm żgħar kif ukoll kbar.

Prosit lil kulħadd għal dan is-suċċess u awguri għall-vjaġġ mużikali li ġej!

Ritratti:

Facebook / DCapitals Big Band

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI