Oliver Scicluna għalaq 40 sena u f’din l-okkażjoni għażel li jaqsam riflessjoni personali dwar il-vjaġġ li għamel matul is-snin, it-tibdil li ġġib magħha l-ħajja u, fuq kollox, l-importanza tal-familja tiegħu.
F’messaġġ emozzjonanti, Scicluna rrifletta fuq it-tifel li darba kien, filwaqt li llum, iħares lura u jirrealizza li ħafna minn dawk il-ħolm saru realtà, wara li għadda minn diversi esperjenzi li ħallew marka fuqu. Għalih, imma, l-akbar kisba f’ħajtu tibqa’ l-familja tiegħu għax dik verament għamlitu kburi.
Ta’ 40 sena, Scicluna jammetti li jħossu differenti fiżikament, hekk kif il-ġisem jinbidel u l-ħajja tħalli l-marki tagħha, iżda mentalment, jgħid li għadu dak it-tifel mimli ħsibijiet, ideat u ħolm, tant li baqa' jemmen li jista’ jagħmel id-dinja post aħjar. Jgħid li sakemm jibqa’ jżomm moħħu kkonċentrat, xejn ma jista’ jwaqqfu milli jibqa’ miexi ’l quddiem.
"U sakemm iżomm dak li jemmen fih fiċ-ċentru ta’ ħajtu — Alla — jibqa’ għaddej, akkost ta’ kollox", esprima fil-messaġġ tiegħu għax għalih Alla hu dak li jżommu għaddej f'ħajtu.
Scicluna, jagħraf ukoll li l-futur ħadd ma jaf x’jista’ jġib. Għalhekk, jagħżel li jgħix ġurnata b’ġurnata, jagħmel l-aħjar li jista’ u jibqa’ miexi ’l quddiem għax minkejja li dak it-tifel kiber, ħaġa waħda ma nbidlitx: il-ħolm tiegħu għadu hemm.
Facebook/Oliver Scicluna