Il-Portugall daħħal fis-seħħ liġi ġdida li tipprojbixxi l-għata tal-wiċċ f’postijiet pubbliċi, miżura li fil-prattika mistennija taffettwa b’mod partikolari lin-nisa Musulmani li jilbsu l-burqa jew in-niqab.

Il-liġi ġiet iffirmata mill-President Portugiż António José Seguro wara li kienet approvata mill-Parlament f’Lulju, bil-voti tal-koalizzjoni governattiva tal-lemin u tal-lemin estrem. Għalkemm il-liġi ma ssemmix direttament il-burqa jew in-niqab, hija tipprojbixxi ħwejjeġ maħsuba biex jaħbu l-wiċċ jew jagħmluha impossibbli li persuna tiġi identifikata fi spazji pubbliċi. Fl-istess waqt, tipprojbixxi wkoll li persuna tiġi mġiegħla tgħatti wiċċha għal raġunijiet relatati mas-sess, ir-reliġjon, l-età jew l-oriġini.
Dawk li jiksru l-liġi jistgħu jeħlu multa bejn €150 u €3,000. Madankollu, hemm diversi eċċezzjonijiet, fosthom għal raġunijiet ta’ saħħa, xogħol, arti u kundizzjonijiet tat-temp. Ir-regoli ma japplikawx ukoll f’postijiet ta’ qima, missjonijiet diplomatiċi u fuq l-ajruplani.
Il-President Seguro qal, li l-wiċċ għandu jitqies bħala element importanti tal-identità u tal-komunikazzjoni bejn il-bnedmin, filwaqt li rrikonoxxa s-sensittività soċjali u kulturali tal-kwistjoni. Il-miżura diġà qanqlet kritika minn attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, li qed iwissu li projbizzjonijiet bħal dawn jistgħu jillimitaw il-libertà reliġjuża u d-dritt tan-nisa li jagħżlu huma stess x’jilbsu.
B’hekk, il-Portugall jingħaqad ma’ pajjiżi Ewropej oħra, fosthom Franza, il-Belġju u l-Awstrija, li diġà għandhom restrizzjonijiet fuq l-ilbies li jgħatti l-wiċċ f’postijiet pubbliċi.
