“Diffiċli Tidħol Fiż-Żarbun Ta' Ġenituri Li Llum Kellhom Jidfnu Lil Binhom, Wara Battalja Twila Ma' Marda Ultra-Rari” – Jispjega Dr. Nicholas Briffa

Dr. Nicholas Briffa kellu kelmtejn xi jgħid dwar il-funeral ta’ Jake Vella, tfajjel wisq qalbu tajba maħbub mill-Maltin kollha. Hu kiteb,“Illum ingħatat l-aħħar tislima lil Jake Vella. Ikolli nammetti li diffiċli naħseb dak li għaddej minn qalbhom. Diffiċli tidħol fiż-żarbun ta’ ġenituri li llum kellhom jidfnu lil binhom, wara battalja twila ma’ marda ultra-rari (ROHHAD – Obeżità li tibda malajr b’disfunzjoni ipotalamika, ipoventilazzjoni u disregolazzjoni awtonomika), marda li twassal għall-mewt. Nemmen li minkejja li fiżikament ħalla din id-dinja, il-legat tiegħu se jibqa’ ħaj iżjed minn qatt qabel. Jake, bħala ġuvni ta’ ħmistax-il sena b’salib daqsiex, seta’ faċilment ikun morr lejn il-ħajja. Morr għax kien wieħed minn madwar 70 madwar id-dinja li għandhom din il-marda. Imma Jake għażel li jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ ħafna, inkluż tal-annimali abbandunati.”

Hu kompla, “Nirrepeti l-kliem tal-Arċisqof ta’ Malta illum waqt l-omelija tal-funeral li ammetta li jibqa’ immeraviljat kif minkejja t-tbatija li kien għaddej minnha, Jake baqa’ juri ħlewwa liema bħalha u kien dejjem ifeġġ bi tbissima fuq fommu. Filwaqt li nuri solidarjetà ma’ ommu Maruska u missieru Josie, u nittama li jsibu faraġ u sinifikat wara din it-telfa kbira li ġarrbu, nittama li fuq l-eżempju ta’ Jake ngħixu ħajjitna verament “to the full”, inkunu ġentili mal-oħrajn u li nfittxu nibdew attività fiżika regolari.”

Inżommu lil Jake fit-talb tagħna, tifel maħbub tant għaliex minkejja l-marda rari li kellu, qatt ma qata’ qalbu iżda kompla jagħmel ħiltu bi tbissima fuq fommu.





 

Facebook / Nicholas Briffa u Josie Vella



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI