Ġiet fi tmiemha l-ewwel ġimgħa tal-Cadetship Intake 261 tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġimgħa li ffukat primarjament fuq id-dixxiplina, it-tagħlim u l-introduzzjoni għall-ħajja militari. Dan l-ewwel pass huwa meqjus bħala wieħed kruċjali fil-formazzjoni tal-kadetti hekk kif jibdew jadattaw għal stil ta’ ħajja ġdida, ibbażata fuq dixxiplina, impenn u responsabbiltà.
Matul din il-ġimgħa inizjali, il-kadetti għaddew mill-ewwel Mock Army Physical Fitness Test, li jservi bħala kejl tal-livell fiżiku tagħhom u jħejjihom għall-isfidi li ġejjin. Fl-istess waqt beda wkoll it-taħriġ tad-Drill: element fundamentali li jsaħħaħ l-ordni, il-preċiżjoni u l-koordinazzjoni fost il-membri.
Aspett importanti ieħor kien it-taħriġ dwar il-preżentazzjoni u l-manutenzjoni korretta tal-uniformi militari, li jirrifletti l-professjonalità u r-rispett lejn l-istituzzjoni militari. Barra minn hekk, il-kadetti attendew serje ta’ lezzjonijiet informattivi dwar l-irwol, il-valuri u r-responsabbiltajiet tas-servizz fil-Forzi Armati ta’ Malta, li tawhom stampa ċara ta’ dak li jfisser li tkun parti minn din l-organizzazzjoni.
Il-Forzi Armati ta’ Malta awguraw suċċess kontinwu lill-kadetti kollha hekk kif ikomplu bit-taħriġ tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Facebook/ AFM