“F”Mument Fejn Konna L-Aktar Vulnerabbli, Infurmawna B’Żieda Ta’ €80,000 Fuq Il-prezz Li Diġà Konna Qbilna Fuqu U Ħallasna.”

Il-mara ta’ Sandro Grech, Abigail, titkellem dwar żvolġiment ġdid ta’ Sandro li għandu jitla’ jieħu l-kura ċ-Ċina minflok Singapore. F’post fuq Facebook hija tgħid li intalbu €80,000 fuq il-prezz li diġà kienu qablu fuqu u ħallsu mill-kumpanija tal-Air Ambulance.

Hija wkoll ħadet l-opportunità li tirringrazzja lill-pubbliku u lill-gvern u lil divers nies oħra li qed ikunu ta’ għajnuna imprezzabbli.

“Ninsab mweġgħa iżda fl-istess ħin mimlija gratitudni għas-sapport kbir li qed insibu f’dan il-mument tant dlam għalina. Kif tafu, kollox kien lest biex Sandro jibda l-vjaġġ tiegħu lejn iċ-Ċina għat-trattament li jista’ jsalvalu ħajtu, iżda fl-aħlast sigħat inqala’ ostaklu li qatt ma bsarna li se niffaċċjaw.

Kif il-kumpanija tal-Air Ambulance Ingliża rċeviet il-ħlas sħiħ tagħna, u f’mument fejn konna l-aktar vulnerabbli, infurmawna b’żieda ta’ €80,000 fuq il-prezz li diġà konna qbilna fuqu u ħallasna. Għalkemm ippruvajna nispjegaw is-sitwazzjoni u l-urġenza ta’ Sandro, sfortunatament it-talbiet tagħna s’issa qed jiġu injorati. Huwa mument ta’ qtigħ il-qalb meta tħoss li min għandu d-dmir morali li jgħinek f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, qed jagħżel li jagħmillek l-affarijiet iktar diffiċli.”

Żiedet,  “Iżda f’dan kollu, ma ninsabux weħidna. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-awtoritajiet Maltin, lill-Gvern ta’ Malta u lill-Prim Ministru Robert Abela talli immedjatament kienu hemm għalina hekk kif inqalgħet din il-problema ġdida. Grazzi kbira lill-Kummissarju Għoli ta’ Malta f’Londra, il-Professur Stephen Montefort, li qed jintervjeni b’mod personali u qed jagħmel minn kollox biex jipproteġi lil Sandro u jara li l-fondi li nġabru b’tant sagrifiċċju mill-poplu u mill-Gvern jintużaw b’mod ġust.

Ma nistax ma nsemmix ukoll is-sapport kbir u l-id ta’ ħbiberija li qed jagħtuna l-avukati u ħbieb tagħna, Dr Aron Mifsud Bonnici u Dr Roselyn Borg li qed jgħinuna f’din il-problema ġdida.”

Kompliet, “Is-sapport li qed nirċievu qed jagħtina s-saħħa biex ma nċedux. Nafu li l-fondi li fdajna f’idejn din il-kumpanija tal-Air Ambulance mhumiex sempliċiment flus, iżda huma t-tama ta’ Sandro u l-imħabba ta’ poplu sħiħ lejh.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Ms. Chirelle Sciberras u t-team taghha fil Ministeru tal Affarjiet Barranin li qed jghinuna bla waqfien sabiex jinhargu il visas ghalina kollha.”

Spiċċat billi tistaqsi lil pubbliku, “Nitolbukom biex tibqgħu fit-talb magħna. Għandna bżonn li s-sens komun jirbaħ fuq kollox biex nhar it-Tlieta Sandro jkun jista’ jibda l-vjaġġ tiegħu kif ippjanat. Grazzi talli qed tkunu t-tarka tagħna f’din l-inġustizzja.”







Ritratti:

Ritratt: Tvmnews/https://tvmnews.mt/news/sandro-grech-gie-accettat-ghall-kura-fic-cina-martu-abigail/?fbclid=IwY2xjawPPakZleHRuA2FlbQIxMQBicmlkETBFeUdzc0tyY3pHSFdObEJoc3J0YwZhcHBfaWQQMjIyMDM5MTc4ODIwMDg5MgABHmP98kgQjjMX7buEmBwkvuUZCZi4gFqu6CVsGsCMOdU_7H9YXXFghUbTH39U_aem_o9pkBcJ6TB4wPCPmMU1M6Q

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI