Il-jum tal-4 t’Awwissu tal-2022 huwa wieħed li jibqa’ ttimbrat f’moħħ omm iċ-ċkejken Harvey hekk kif kien proprju f’dan il-jum li hi skopriet li binha kellu l-lewkimja u li ftit jiem oħra kien se jkollu jibda l-ġlieda tiegħu permezz tal-kimoterapija.
Ma’ Puttinu Cares, l-omm tistqarr li meta ngħatat din l-aħbar ħasset sens kbir ta’ biża’ u inċertezza. Tirrakkonta kif għal kważi 1,200 jum ħajjithom inbidlet ta’ taħt fuq u d-dar il-ġdida tagħhom saret l-isptar.
“Hi ħajja li l-ebda omm ma timmaġina għal binha,” tistqarr omm iċ-ċkejken Harvey.
L-omm tesprimi wkoll gratitudni liema bħalha lejn Puttinu Cares għall-għajnuna kontinwa li huma tawhom fil-proċess li Harvey kien qed jiġġieled kontra l-lewkimja.
Tispjega kif anke meta kellhom bżonn jitilgħu l-Ingilterra għall-kura, hemmhekk ukoll sabu l-għajnuna ta’ Puttinu li kienu pronti offrew l-appartamenti tagħhom.
F’Novembru tas-sena l-oħra, b’xorti tajba u b’turija ta’ reżiljenza u perseveranza, iċ-ċkejken Harvey irnexxielu jtemm il-kimoterapija u llum il-ġurnata jinsab b’saħħtu.
Prosit, Harvey!
Facebook / Puttinu Cares