Il-ġenituri tal-mibki AJ, Charles u Aaron Difesa, kitbu ittra emozzjonanti lil Puttinu Cares fejn fiha esprimew sens kbir ta’ ringrazzjament u gratitudni għall-għajnuna li dejjem ingħataw fiż-żmien li fih binhom kien qed jiġġieled żewġ tumuri.
Fl-ittra huma spjegaw kif bis-saħħa ta’ Puttinu binhom kien irnexxielu jitbissem anke jekk stess kien għaddej mill-agħar mumenti ta’ ħajtu.
Komplew jistqarru li meta saru jafu li binhom kellu tumur, ħassew id-dinja tagħhom tinqaleb ta’ taħt fuq u ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu.
“L-għajnuna ta’ Puttinu tatna s-saħħa li kellna bżonn fl-agħar mumenti ta’ ħajjitna għax konna nafu li ma konniex waħedna,” sostnew il-ġenituri.
Huma temmew l-ittra jfaħħru l-kompassjoni u d-dedikazzjoni li l-għaqda filantropika dejjem turi lejn familji li xi membri tagħhom ikunu qed jiġġieldu mard serju.
Prosit tassew lil Puttinu Cares għall-ħidma tagħhom!
Facebook / Maria La Barokka Muscat