"Huwa Impossibbli Li Naqsam Magħkom Dak Li Qed Inħoss Hekk Kif Fl-Aħħar T'April Inħalli L-Kamra Tal-Aħbarijiet U L-Bini Tal-PBS" – Keith Demicoli

Ilbieraħ ħarġet l-aħbar li Keith Demicoli ħa jkun qed iħalli l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS u jibda karriera ġdida fi ħdan il-Malta Chamber of Commerce. Kienet aħbar li ħasdet lil ħafna nies minħabba l-fatt li Keith hu tassew maħbub minn mijiet ta’ Maltin u Għawdxin.

Fl-isfond ta’ dan kollu, ilbieraħ filgħaxija Keith ħalla messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn ta ħarsa lejn l-avventuri tal-karriera tiegħu u wħud mill-ħafna mumenti interessanti. Keith jibda billi jgħid, “Għadni niftakar kif qrib San Valentinu tal-2008, l-ex Prim Ministru Dom Mintoff kien ċempel fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Television Malta u b’sorpriża kbira staqsa għalija! B’qalbi mtertqa u b’eċċitament liema bħalu niftakarni li kont mort inwieġeb lill-Perit. Kien talabni biex minnufih immur narah Ħal Tarxien għax kellu ‘storja esklussiva’ li xtaqni nirrapporta fl-aħbarijiet tat-8.”





Keith ikompli jgħid, “X’ġara dakinhar kien spiċċa fl-aħbarijiet tal-mezzi kollha lokali u f’ħakka t’għajn irrealizzajt li kont qed naħdem f’waħda mill-aktar kmamar tal-aħbarijiet imfittxija f’Malta. Dlonk intbaħt li r-responsabbiltà kienet tassew kbira. Kont mal-istazzjon nazzjonali! Il-ħolma kienet saret realtà u ridt li b’xi mod nagħmilha memorabbli u dejjiema fil-memorji tiegħi u ta’ dawk kollha li jsegwu.”

Hu jistqarr, “Grat ħafna tal-opportunità u tal-apprezzament inkredibbli ta’ eluf ta’ Maltin li segwew il-produzzjonijiet, servizzi, aħbarijiet, xandiriet u avvenimenti ewlenin li ħejjejna bħala tim. Hekk kif dan il-vjaġġ fl-aħbarijiet wasal biex jintemm, huwa impossibbli li naqsam magħkom dak li qed inħoss hekk kif fl-aħħar t’April inħalli l-kamra tal-aħbarijiet u l-bini tal-PBS.”

Kieith jaqsam mumenti speċjali, “ħsibt li naqsam magħkom ftit ritratti li rnexxili nsib u li se nibqa’ ngħożż li jirriflettu wħud mill-esperjenzi li kelli fosthom meta bdejt naqra l-aħbarijiet, mal-idolu tiegħi, meta mort il-Kosta tal-Avorju fl-Afrika nirrapporta summit tal-UE u spiċċajt ġurnata barra fejn is-suldat għax ma kienux ħarġuli akkeditazzjoni biex nidħol nirrapporta, għal meta mort Brussell u b’kumbinazzjoni spiċċajt nintervista lil binti stess għax kienet parti minn grupp Malti li rebaħ kompetizzjoni Ewropea…”

Hu jaqsam aktar ritratti, Keith jgħid, “meta ppruvajt ngħin tfal ikomplu jrawmu interess fix-xandir, meta ppruvajt nintervista kelb u meta bdew jgħiduli li anke l-qtates isegwu l-aħbarijiet b’attenzjoni!!! Grazzi li ħallejtuni nkun parti mill-istorja tax-xandir f’Malta u konvint li b’xi mod se nibqgħu qrib xulxin bi programmi, xandiriet u inizjattivi oħrajn. Grazzi mill-qalb.”

Grazzi lilek Keith li dejjem wassaltilna l-aħbar l-aħjar mod possibbli, dejjem kont fattwali u viċin il-poplu Malti. In-nuqqas ta’ preżenza tiegħek żgur li ħa jinħass.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI