Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ħabbar li jinsab fuq il-post wara l-inċident li seħħ dalgħodu fil-kamra tan-nar ta’ Lourdes fil-limiti tan-Naxxar, sabiex jassisti kwalunkwe annimal li seta’ ntlaqat jew jinsab f’riskju minħabba l-inċident.
Fi stqarrija maqsuma fuq il-midja soċjali, id-Direttorat esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha milquta minn dan l-inċident, inklużi l-persuni li weġġgħu, ir-residenti tal-madwar, il-ħaddiema u l-bdiewa affettwati.
Id-Direttorat spjega li r-rwol tiegħu f’dan il-mument huwa li jiżgura li l-annimali involuti jingħataw il-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa hekk kif ikun sigur li jidħol fuq il-post u jieħu l-azzjoni neċessarja.
Fl-istess stqarrija, ġie spjegat li bħalissa ammont sostanzjali mir-riżorsi tad-Direttorat qed ikun allokat għal dan il-każ sabiex tingħata l-għajnuna kollha possibbli fejn meħtieġ. Minħabba dan, id-Direttorat avża lill-pubbliku li jista’ jkun hemm xi dewmien żgħir f’servizzi oħra matul il-ġurnata, hekk kif il-ħaddiema qed jiffukaw fuq is-sitwazzjoni li żviluppat fin-Naxxar.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rringrazzja lill-pubbliku għall-kooperazzjoni u l-fehim tiegħu waqt li qed ikompli x-xogħol fuq il-post.
Facebook / Animal Welfare Malta