Ġiet imnedija uffiċjalment il-ħames edizzjoni ta’ Lejla Rnella, li se tittella’ fil-Bajja ta’ Rnella, il-Kalkara, nhar is-Sibt, 1 ta’ Awwissu. L-attività qed terġa’ ssir bl-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, kif ukoll permezz tal-fondi amministrati mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, li jgħinu lill-kunsilli lokali jorganizzaw attivitajiet kulturali u komunitarji ta’ livell.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, ippreżentaw il-programm ta’ din is-sena u l-attivitajiet li se joffri l-avveniment. Il-Ministru Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kunsilli lokali biex ikollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jorganizzaw attivitajiet li jagħtu aktar ħajja lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

"Permezz tal-appoġġ li qed nagħtu lill-kunsilli lokali, qed noħolqu aktar opportunitajiet biex il-familji jgawdu attivitajiet ta’ kwalità fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li nkomplu ninvestu fil-kultura, fit-turiżmu lokali u fl-ekonomija tal-lokalitajiet," qalet il-Ministru.
Hija żiedet li inizjattivi bħal Lejla Rnella huma eżempju ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali qed twassal għal avvenimenti li mhux biss joffru divertiment, iżda wkoll isaħħu l-identità u l-potenzjal ta’ kull lokalità.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina rringrazzja lill-Ministeru u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali tal-appoġġ kontinwu tagħhom, li qed jippermetti lill-Kunsill Lokali jkompli jorganizza attivitajiet ta’ livell għoli għall-komunità u jsaħħaħ il-ħajja kulturali fil-lokalità.
Din is-sena, Lejla Rnella se toffri programm mużikali varjat, b’wirjiet minn Jasmine, rebbieħa tal-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, il-kantant Jamie Cardona, filwaqt li l-qofol tal-lejla se jkun kunċert live minn Kevin Paul.

L-organizzaturi ħasbu wkoll biex l-attività tkun waħda inklussiva u addattata għall-familja kollha. Se jkun hemm żona ddedikata għat-tfal kif ukoll spazju apposta għall-persuni b’abilitajiet differenti, biex kulħadd ikun jista’ jgawdi l-avveniment f’ambjent aċċessibbli u sigur.
Biex ikun aktar faċli għall-pubbliku jasal sal-Bajja ta’ Rnella, se jiġi offrut ukoll servizz ta’ Park & Ride bla ħlas. Dawk li jkunu ġejjin minn barra l-Kalkara jkunu jistgħu jipparkjaw fil-periferija tal-lokalità u jużaw mini-bus li se jwassalhom direttament sal-post fejn se ssir l-attività.