Taf Li Qed Tħallas Aktar Minn Franza U L-Ġermanja Jekk Tiddeċiedu Li Tixtri iPhone 17 Pro F’Malta?

Malta ma ġietx inkluża fir-rapport Mapping the World's Prices 2026 ta’ Deutsche Bank Research, li qabbel il-prezzijiet tal-iPhone 17 Pro f’41 pajjiż madwar id-dinja. Madankollu, verifika tal-prezzijiet lokali turi li kieku kienet inkluża, Malta kienet tikklassifika fost il-pajjiżi fejn dan il-mudell jinbiegħ bl-ogħla prezzijiet.

Ir-rapport, li ġie rrappurtat ukoll minn Euronews din il-ġimgħa, qabbel il-prezz tal-istess mudell tal-iPhone 17 Pro b’data ta’ 256GB f’diversi swieq internazzjonali. L-istudju sab differenzi sostanzjali fil-prezzijiet, prinċipalment minħabba t-taxxi, it-tariffi u l-varjazzjonijiet fil-kambju tal-muniti.

It-Turkija kienet l-aktar pajjiż għali, bil-prezz jilħaq €2,222 – aktar minn darbtejn il-prezz fl-Istati Uniti. Warajha ġew il-Brażil (€1,937), l-Eġittu (€1,605), l-Ungerija (€1,565) u l-Messiku (€1,420).

Fuq in-naħa l-oħra tal-klassifika, il-Ġappun kien l-uniku pajjiż fejn l-istess telefon kien irħas mill-Istati Uniti, bi prezz ta’ €961 meta mqabbel ma’ €1,012 fl-Istati Uniti. Il-Korea t’Isfel kellha prezz identiku għal dak Amerikan.

Peress li Malta m’għandhiex Apple Store uffiċjali online, ma ġietx inkluża fl-istħarriġ. Madankollu, Apple Premium Partner iCentre ibigħ l-istess mudell tal-iPhone 17 Pro b’256GB għal €1,359.

Kieku dan il-prezz kellu jiddaħħal fil-klassifika ta’ Deutsche Bank Research, Malta kienet tispiċċa eżatt taħt il-Messiku (€1,420), iżda qabel l-Italja (€1,332), li kienet l-aktar waħda għalja fost il-ħames l-akbar ekonomiji Ewropej.

Fil-fatt, il-prezz f’Malta huwa ogħla wkoll minn dak ta’ Franza (€1,323), Spanja (€1,312), il-Ġermanja (€1,293) u r-Renju Unit (€1,265), u dan jindika li l-konsumaturi Maltin qed iħallsu aktar minn dawk f’ħafna mill-akbar swieq Ewropej għall-istess apparat.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI