Hobz huwa forn li jispeċjalizza fil-ħobż magħmul mill-qamħ naturali fir-Renju Unit, li jiġi mitħun fid-dar. Il-forn joffri wkoll pasti mill-aqwa bħal croissants, torti tal-qara ħamra, cookies u ħafna oħrajn.
F’intervista ma’ The Scotsman, is-Sur Matthew Mallia qal li l-imħabba tiegħu għall-ħami bdiet meta kien jaħmi l-pasti eċċ flimkien ma’ ommu. Madankollu, waqaf minn din il-passjoni sabiex jagħmel spazju għall-istudji tiegħu.
Fil-fatt, kienet l-akkademja li wasslitu Edinbera, sabiex jikseb il-PhD. Huwa kien diġà mar ir-Renju Unit biex jistudja għall-Masters fil-British Imperial History ġewwa Oxford.
Spjega li fetaħ in-negozju f’Jannar tal-2021 billi ħa ordnijiet mingħand nies tal-lokal, qabel eventwalment fetaħ il-ħanut tiegħu stess is-sena l-oħra.
F’post fuq Facebook, is-Sur Mallia qal li sena wara li fetaħ il-bibien tiegħu f’Leith Walk, il-biċċa l-kbira tal-ġranet għadhom “kemmxejn kaotiċi”. Fl-aħħar nett, irrimarka li qed iħares ‘il quddiem għas-snin li ġejjin, u ta x’jifhem “pjanijiet kbar” għall-futur.