Il-Ġenituri Għandhom Ikunu Msieħba Fil-Kura Ta’ Wliedhom – Konferenza Ta’ Ronald McDonald House Malta

L-għarfien li l-ġenituri għandhom dwar ir-rutini, l-imġiba u l-isfidi ta’ wliedhom fil-ħajja ta’ kuljum, flimkien mal-għarfien u l-esperjenza tal-professjonisti, għandu jkun parti importanti fit-tfassil tal-appoġġ li jingħata lit-tfal. Dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin tar-raba’ Family-Centred Care Conference organizzata minn Ronald McDonald House Malta b’kollaborazzjoni mal-Maltese Paediatric Association.

Il-konferenza bit-tema Family-Centred Care in Community Paediatrics laqqgħet flimkien professjonisti fil-qasam tas-saħħa, familji u esperti lokali u internazzjonali, biex jiddiskutu kif l-appoġġ mogħti lit-tfal jista’ jkun adattat aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, kemm fid-dar, fl-iskola, kif ukoll fil-komunità.

Il-kelliema enfasizzaw li biex il-familji jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv u effettiv fil-kura ta’ wliedhom, jeħtieġ rispett reċiproku, informazzjoni ċara u opportunitajiet biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-osservazzjonijiet tal-ġenituri jistgħu jgħinu lill-professjonisti jidentifikaw il-prijoritajiet u jadattaw l-appoġġ skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ kuljum ta’ kull tifel u tifla.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Ian Borg, indirizza wkoll il-konferenza, fejn saħaq fuq l-importanza tal-involviment tal-familji fil-kura tas-saħħa tat-tfal. Huwa rrefera għall-inizjattiva ‘Family Cart’ li se titnieda fl-Isptar Mater Dei, frott ta’ ftehim ma’ Ronald McDonald House Malta, u li se toffri appoġġ prattiku lill-familji li jqattgħu perjodi twal fis-swali pedjatriċi u fit-taqsimiet tal-kura intensiva.

Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, Martin Xuereb, iċ-Chairman ta’ Ronald McDonald House Malta, saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-familji u l-professjonisti. “Il-fejqan ta’ tifel jew tifla ma jseħħx b’mod iżolat,” qal is-Sur Xuereb, filwaqt li enfasizza li l-familji għandhom ikunu involuti b’mod attiv fil-kura ta’ wliedhom, u mhux sempliċiment jinżammu infurmati. Huwa spjega li r-rwol ta’ Ronald McDonald House Malta huwa li jappoġġja l-ħidma tal-professjonisti u l-awtoritajiet permezz ta’ programmi, faċilitajiet u sħubijiet li jgħinu lit-tfal u lill-familji tagħhom jaffaċċjaw iċ-ċirkostanzi diffiċli li jkunu għaddejjin minnhom.

Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq kif l-appoġġ lit-tfal jista’ jingħata wkoll lil hinn mill-ambjent kliniku. Id-delegati ddiskutew kif il-pariri tal-ispeċjalisti jistgħu jitpoġġew fil-prattika fil-klassijiet, kif ukoll x’tip ta’ għajnuna jeħtieġu l-ġenituri biex ikunu jistgħu jattendu regolarment għas-sessjonijiet ta’ terapija ma’ wliedhom u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-professjonisti fid-dar.
Fir-rigward tat-tfal li jgħixu f’kura alternattiva, il-kelliema saħqu fuq l-importanza li dawn ikollhom mill-inqas persuna adulta li jafdaw, li tismagħhom, tifhem dak li jkunu għaddejjin minnu u tħeġġiġhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza tal-ħbiberiji, l-esperjenzi pożittivi fl-iskola u l-opportunitajiet biex it-tfal isegwu l-interessi tagħhom, li kollha jistgħu jgħinuhom jegħlbu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

Eżempju prattiku ta’ kollaborazzjoni mal-ġenituri ngħata minn Dr Natasha Attard, li tkellmet fuq ir-Ronald McDonald House Parent Empowerment Programme ta’ Ronald McDonald House, żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ BXConsultancy. Permezz ta’ dan il-programm, il-ġenituri ta’ tfal newrodiversi jingħataw 20 siegħa ta’ appoġġ u gwida mmirati, imfassla skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta’ kull familja, biex ikunu jistgħu jindirizzaw aħjar l-isfidi fil-ħajja ta’ kuljum.

Dr Samuel Aquilina, membru tal-kumitat tal-Maltese Paediatric Association, saħaq fuq l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-kapaċitajiet, il-preferenzi u l-aspirazzjonijiet individwali tat-tfal. “Tifel jew tifla li jkollhom bżonn l-għajnuna biex jikkomunikaw, jitgħallmu, jilgħabu jew jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ kuljum, jistħoqqilhom dik l-għajnuna abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom, u mhux sempliċiment minħabba xi dijanjosi partikolari,” qal Dr Aquilina.

Fost il-kelliema li ħadu sehem fil-konferenza kien hemm Dr Sudipta Sen, Dr Stacy John-Legere, Dr Nkiru Asiegbunam u Dr Natasha Attard, li indirizzaw diversi aspetti, fosthom il-kura marbuta man-newrożvilupp, it-tfal taħt il-kura tal-istat, il-protezzjoni tat-tfal, u l-appoġġ għal tfal newrodiversi u l-familji tagħhom. Il-workshops iffukaw fuq il-kollaborazzjoni bejn il-qasam tas-saħħa, dak tal-edukazzjoni u s-servizzi fil-komunita`, filwaqt li sessjoni ddedikata lill-ġenituri tathom l-opportunità li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Ronald McDonald House Malta tħeġġeġ lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, lill-edukaturi u lill-organizzazzjonijiet komunitarji interessati li jikkollaboraw biex joffru appoġġ lit-tfal u l-familji tagħhom, biex jagħmlu kuntatt magħha. Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni, jew biex issir taf aktar dwar ir-Ronald McDonald House Parent Empowerment Programme, żur is-sit ronaldmcdonaldhouse.org.mt

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI