Fuq il-paġna uffiċjali tal-President Myriam Spiteri Debono, ġie miktub messaġġ dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.
Spjegaw, “Il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Palazz ta' Sant'Anton, saret iċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li matulha 18-il ktieb ippubblikati matul l-2025 ġew rikonoxxuti bi premju. Il-premjijiet tqassmu miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, mill-Ministru għall-Arti, il-Kulturà u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea, u miċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli. Fost dawk rikonoxxuti, l-awtur Karl Schembri rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, waqt li l-Professur Joe Friggieri kien rikonoxxut bil-Lifetime Achievement Award.”
Żiedu jgħidu, “F'diskors matul is-serata li saret taħt il-patroċinju tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono aċċennat ir-rwol importanti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb favur il-promozzjoni tal-lingwa Maltija, u r-responsabbiltà li għandna lejn l-ilsien tagħna. Il-President irrikonoxxiet il-kreattività, ir-riċerka u l-intellett tal-kittieba Maltin, u ħeġġet biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma bejn il-partijiet u l-imsieħba kollha involuti, fosthom l-awturi, il-pubblikaturi, it-tradutturi u l-illustraturi flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, favur l-evoluzzjoni tal-ilsien Malti, u b’hekk il-lingwa Maltija ma titlifx ir-rikkezza u l-karattru tagħha.”
Nawguraw lill-kittieba kollha li kienu preżenti waqt dan l-avveniment. Huwa unur tassew kbir!
Facebook / Myriam Spiteri Debono