Il-Ħajja Sigrieta Tan-Nanna Ġenoveffa Tieħu L-Ħajja Fuq Il-Palk – Esperjenza Mill-Isbaħ Li Tibqa’ Miegħek!

L-adattament teatrali Il-Ħajja Sigrieta Tan-Nanna Ġenoveffa minn Udjenza, ibbażat fuq il-ktieb tant maħbub ta’ Trevor Zahra, kien esperjenza tassew memorabbli. Minn bidu sa tmiem, l-ispettaklu rnexxielu jiġbed lill-udjenza b’mod naturali, b’kitba li hija kemm divertenti kif ukoll profonda.



Wieħed mill-aktar aspetti li jolqtu huwa kif biss ħames atturi rnexxielhom jagħtu l-ħajja lil diversi karattri b’ħeffa u kreattività kbira. Dan żied dimensjoni dinamika u vivaċi lill-produzzjoni kollha. Iżda bla dubju, mument partikolarment speċjali kien li naraw lil Josette Ciappara u lil bintha Marta Vella jaqsmu l-irwol ta’ Ġenoveffa f’etajiet differenti. Din il-kombinazzjoni omm u bint tat lill-karattru profondità emozzjonali li diffiċli tinsa, kienet xi ħaġa sabiħa u sinifikanti li wieħed jixhed fuq il-palk.



L-iscript huwa umoristiku b’mod naturali, mimli b’ħinijiet ta’ daħk, iżda fl-istess waqt jibqa’ reali u relatabbli. Hemm mumenti li jġiegħluk tidħak, u oħrajn li jħalluk taħseb, bilanċ li mhux dejjem faċli jintlaħaq, imma li hawnhekk kien eżegwit b’suċċess.

Aspett ieħor li jispikka kien l-użu eċċellenti tal-palk. Is-set li jdur bejn xena u oħra kien innovattiv u effettiv, u żied ritmu interessanti mal-produzzjoni, filwaqt li żamm lill-udjenza involuta kontinwament. Prosit tassew lil kull min kien involut f’din il-produzzjoni, produzzjoni li verament turi kemm it-teatru Malti jista’ jkun kreattiv, emozzjonanti u ta’ livell għoli.

Biljetti fadal ftit li xejn. Dawk kollha li jixtiequ jittantaw xortihom jaqtgħu xi biljett, jistgħu jidħlu hawn.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI