Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ħalib tas-Sider jum li jpoġġi taħt il-lenti realtà li ħafna drabi tibqa’ inviżibbli: l-esperjenza tal-ommijiet li jagħżlu (jew ikollhom bżonn) jippumpjaw il-ħalib tas-sider tagħhom. Mhux bħala alternattiva “inqas”, imma bħala għażla valida, b’saħħitha u li titlob rispett u appoġġ.
Il-proċess li jinvolvi ħin, enerġija, dixxiplina u, ħafna drabi, reżiljenza emozzjonali. Għal xi ommijiet, dan huwa mezz biex ikomplu jagħtu l-aħjar nutrizzjoni possibbli lit-tarbija tagħhom minkejja sfidi mediċi, ritorn kmieni għax-xogħol, diffikultajiet fil-breastfeeding dirett, jew sempliċement minħabba l-ċirkustanzi tal-ħajja.
Għandna t-tendenza li niddiskutu l-breastfeeding f’termini binarji — jew iva jew le — iżda r-realtà hija ħafna aktar sfumata. Il-breast pumping joħloq spazju f’nofs dan l-ispettru: jippermetti lill-ommijiet ikunu flessibbli, jaqsmu r-responsabbiltà tal-għalf, u jżommu kontroll akbar fuq ġisimhom u r-rutina tagħhom.
Madankollu, minkejja l-benefiċċji, ħafna ommijiet li jippumpjaw iħossuhom waħedhom jew iġġudikati. Il-nuqqas ta’ spazji xierqa fuq il-post tax-xogħol, il-pressjoni soċjali, u n-nuqqas ta’ konverżazzjoni miftuħa dwar dan jagħmlu l-proċess aktar diffiċli milli għandu jkun. U dan huwa fejn is-soċjetà għandha responsabbiltà.
Appoġġ reali jfisser politiki tax-xogħol li jifhmu r-realtà tal-ommijiet, spazji privati u nodfa għall-pumping, edukazzjoni aħjar, u fuq kollox empatija. Mhux kull omm se jkollha l-istess esperjenza, u mhux kull ġisem jaħdem bl-istess mod. Dak hu normali.
B’dan il-jum il-messaġġ huwa ċar: m’hemmx mod “korrett” wieħed biss biex tkun omm. Hemm biss dak li jaħdem għalik u għat-tarbija tiegħek. U kull għażla li tittieħed bi mħabba, kura u responsabbiltà jistħoqqilha rispett.
Ejja nużaw dan il-jum biex nisimgħu aktar, niġġudikaw inqas, u nibnu kultura li tappoġġja lill-ommijiet kollha — irrispettivament minn kif jagħżlu li jitimgħu lit-tfal tagħhom.