Il-psikologu Nicholas Briffa qasam riflessjoni fuq il-mezzi soċjali dwar kemm apoloġija sinċiera tista’ tagħmel differenza kbira f’relazzjonijiet u ħbiberiji, speċjalment meta persuna tkun weġġgħet lil xi ħadd ieħor.
Fil-messaġġ tiegħu, Briffa spjega li kliem sempliċi bħal “jiddispjaċini” jew “skużani” jista’ jkollu impatt qawwi, iżda enfasizza li mhux biss il-kliem hu importanti, imma wkoll il-mod kif jingħad.
Huwa spjega li l-ewwel pass f’apoloġija vera hu li wieħed ikun ċar dwar għaliex qed jiskuża ruħu. Skontu, l-apoloġija għandha tkun diretta u speċifika, pereżempju billi persuna tgħid, “Jiddispjaċini għal dak li għamilt” jew “Jiddispjaċini għal kif tkellimt miegħek.”
Il-psikologu kompla jispjega li parti importanti minn apoloġija hi li wieħed jieħu responsabbiltà tal-imġiba tiegħu. Apoloġija, qal Briffa, għandha tkun dwar dak li għamlet il-persuna stess u mhux dwar dak li għamel jew qal l-ieħor.
Huwa wkoll wissa kontra drawwa komuni ħafna, li wara “jiddispjaċini” wieħed iżid il-kelma “imma”. Skontu, meta jiġri hekk, ħafna drabi tnaqqas mill-valur tal-apoloġija u tagħmilha tidher inqas sinċiera.
Briffa enfasizza wkoll li apoloġija għandha tingħad biss jekk verament tkun ġejja mill-qalb. Apoloġija li ma tkunx sinċiera, qal, rari tgħin biex tissewwa s-sitwazzjoni u kultant tista’ saħansitra tagħmel aktar ħsara lir-relazzjoni.
Fil-messaġġ tiegħu, il-psikologu spjega li apoloġija vera tibda meta persuna tagħraf kif l-imġiba tagħha setgħet weġġgħet lill-oħrajn u tkun lesta tieħu responsabbiltà sħiħa għal dan.
Huwa temm billi qal li kliem bħal “skużani” jew “jiddispjaċini” m’għandux iħammar wiċċ ħadd. Anzi, skontu, dan juri umiltà u umanità, għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jiżbalja.
Facebook / Nicholas Briffa