Romina kellha 39 sena meta ħajjitha nbidlet kompletament fi żmien qasir ħafna. F’post li ttella’ fuq il-paġna The People of Malta, hija qasmet l-istorja personali tagħha wara li, f’Diċembru ta’ sena ilu, irċeviet żewġ aħbarijiet diffiċli f’perjodu ta’ ftit ġimgħat biss.
L-ewwel daqqa ta’ ħarta kienet id-dijanjosi li kellha kanċer fis-sider. Fl-istess żmien, binha Thomas kellu bżonn operazzjoni immedjata. Dan kollu seħħ eżatt qabel il-Milied – żmien li normalment ikun wieħed ta’ ferħ u ċelebrazzjoni.
Fortunatament, mill-operazzjoni ta’ Thomas waslu aħbarijiet tajbin. Ir-riżultat kien pożittiv u l-familja setgħet tieħu nifs ta’ serħan il-moħħ. “Kien tassew rigal li salvaw il-ħajja tat-tifel,” tgħid Romina.
Madankollu, ftit jiem wara, f’Jannar, kellha tiffaċċja r-realtà tagħha stess meta t-tobba spjegawlha liema operazzjoni kienet meħtieġa biex tibda l-ġlieda tagħha kontra l-kanċer.
“Dejjem tħoss għal dak ix-xi ħadd li tisimgħu jgħid li sabulu kanċer, imma meta tisma’ bl-aħbar fuqek, bħal tħoss kollox jaqa’ fuqek,” tispjega. Tiftakar li f’dak il-mument ħasset sens ta’ “numbness”. “Għandi nibki? Għandi nkun kuraġġuża?”
Minkejja kollox, kienet taf li kellha tibqa’ għaddejja. Saħħitha sabitha wkoll mill-esperjenza tal-familja tagħha, hekk kif erba’ snin qabel ommha kienet ukoll għaddiet minn kanċer.
Romina għaddiet minn diversi testijiet u biopsies u ddeċidiet li tagħmel mastektomija, jiġifieri li jitneħħa s-sider kollu biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li jibqgħu traċċi tal-marda. Wara l-operazzjoni kien meħtieġ ukoll li tagħmel total hysterectomy, u fil-perjodu li ġej mistennija tibda l-proċess ta’ rikostruzzjoni tas-sider.
Barra mill-isfidi mediċi, kien hemm ukoll dawk tal-ħajja ta’ kuljum. Romina taħdem self-employed, u għalhekk iż-żmien tal-kura kien diffiċli wkoll mill-aspett tax-xogħol. F’dawn il-mumenti, ir-raġel tagħha kien pilastru ta’ sostenn.
“Ir-raġel hu pilastru, qaddis miexi fl-art. Ħa ħsieb ħafna l-familja,” tgħid b’emozzjoni. Din l-esperjenza bidlitilha wkoll il-mod kif tħares lejn il-ħajja. “Tgħallimt x’inhi l-vera mħabba – mhux dik ta’ Cinderella jew tal-bukkett tal-fjuri. Qabel kont inħobb l-affarijiet materjali. Illum le. L-importanti fil-ħajja huwa kif iġġib ruħek mal-oħrajn.”
Illum Romina għandha messaġġ ċar għal min ikun għaddej minn żmien diffiċli: “Ħares ’il quddiem. Kull ġurnata hija ġdida, hija rigal – għixha.”
Tgħid ukoll li t-tfal tagħha kienu s-saħħa li żammewha għaddejja matul dan kollu, filwaqt li tisħaq fuq l-importanza tal-għarfien dwar il-kanċer tas-sider f’età iżgħar.
“Nemmen li l-kanċer tas-sider mhuwiex xi ħaġa marbuta biss man-nisa ’l fuq minn 40 sena. Jien għandi inqas minn hekk, imma xorta mess lili wkoll,” tgħid, filwaqt li tħeġġeġ biex it-testijiet u l-kontrolli jibdew minn qabel, għax id-dijanjosi kmieni tista’ tagħmel differenza kbira.
Facebook / The People of Malta