Il-Ministru Silvio Schembri Jżur Il-Kumpanija Maltija Neural AI

Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strategiċi Silvio Schembri żar il-kumpanija Maltija Neural AI - kumpanija li topera fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali. Hemmhekk hu enfasizza l-appoġġ ta' pajjiżna għan-negozji li jinvestu fl-innovazzjoni.

Fiż-żjara tiegħu, il-Ministru tkellem dwar uħud mill-miżuri li Malta se tkun qiegħda taddotta sabiex proprju turi dan l-appoġġ. Spjega kif mill-2027, kumpaniji eliġibbli b'fatturat annwali li ma jisboqx is-somma ta' €1 miljun, se jkunu qed jibbenefiikaw minn rata ta' taxxa korporattiva ridotta minn 35% għal 25% fuq profitti miżmuma jew rinvestiti. Jidher li din il-miżura hi mfassla sabiex proprju tinċentiva lin-negozji jerġgħu jpoġġu l-profitti tagħhom fl-operat, fl-espansjoni u fit-tkabbir.

Spjega wkoll kif il-Baġit 2027 se jintroduċi kreditu fiskali ta’ 175% fuq nefqa eliġibbli fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li l-investimenti eliġibbli fl-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sigurtà ċibernetika se jibbenefikaw minn tnaqqis aċċellerat fuq sentejn. Kumpaniji fit-teknoloġija u fl-AI jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-inċentivi, soġġett għall-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern qed ifittex li jappoġġa n-negozji Maltin b’taxxa aktar baxxa, aktar investiment u innovazzjoni, għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI