“Il-Pożittività Hija L-Unika Ħaġa Li Żżommok Wieqaf U Tgħinek Tibqa’ Għaddej Minkejja Kollox.” – Kathy Cardona

Kathy Cardona, il-vjolinista li narawha f’diversi spettakli tirrifletti fuq is-sena 2025 u tħares lejn is-sena li ġejja. Hi tistqarr mas-segwaċi tagħha, “Is-sena 2025… Kienet waħda diffiċli ħafna għalija. Ma nistax ngħid li kienet sena sabiħa; anzi, kienet mimlija sfidi u piżijiet li ħallewni għajjiena mentalment u emozzjonalment. L-uniku sodisfazzjon li stajt insib kien fl-events li komplew isiru mingħajr waqfien, u li b’xi mod baqgħu juru dawl u jagħtuni raġuni għaliex inkompli ngħix u nibqa’ għaddejja. Għalkemm dawn ħallewni bi ftit ħin għalija nnifsi, xorta waħda tawni sodisfazzjon qawwi li ma nistax ninjorah.”



Hi żżid, “Minn Settembru ’l hawn, donnu niżel maltemp qawwi fuq ħajti, wieħed li kważi ma ħallinix spazju fejn moħħi jkun jista’ jaħseb jew jistrieħ. Inċident bil-karozza kien spiża u esperjenza li żgur ma kelli bżonnha xejn, u li żiedet mal-piż li kont diġà qed inġorr, però għadda kollox b’wiċċ il-ġid u wara ħafna taqtigħ wasalna. Barra minn hekk, waslitilna aħbar kerha ħafna, aħbar li nixtieq tkun biss ħolma kerha, imma sfortunatament mhijiex. Hija realtà li għadha tqila u diffiċli biex wieħed jaċċetta.”



Ma’ dan Kathy tgħid, “Nispera u nittama li s-sena 2026 tkun ferm aħjar mill-mħawda sena 2025. Għalkemm diġà naf li mhux se tkun faċli, għax l-akbar sfidi għadhom ġejjin, nipprova nibqa’ pożittiva. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, il-pożittività hija l-unika ħaġa li żżommok wieqaf u tgħinek tibqa’ għaddej minkejja kollox.”



Hi tkompli, “Xi kultant nistaqsi lili nnifsi jekk hux għalhekk ġejna f’din id-dinja: biex nagħtu, naħdmu bla waqfien, u mbagħad meta tasal is-siegħa, tħares lura u tistaqsi kemm ħdimt għalxejn. Madankollu, nittama li tal-anqas tibqa’ jkolli s-saħħa meħtieġa biex inkompli naħdem, inkompli nagħti, u nibqa’ għaddejja b’wiċċi ’l quddiem għal dak kollu li ġej.”

Kuraġġ Kathy! M’intx waħdek!

Ritratti:

Facebook / Kathy – The Violinist

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI