Il-Pulizija Tappella Lill-Pubbliku Biex Jirrapporta Kull Suspett Ta’ Traffikar Tal-Bnedmin

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jibqax sieket jekk jissuspetta każ ta’ traffikar tal-bnedmin, filwaqt li jfakkar li rapport wieħed jista’ jagħmel differenza u saħansitra jsalva ħajja.

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Pulizija spjegat li t-traffikar tal-bnedmin iseħħ meta persuna tiġi rreklutata, ittrasportata jew miżmuma kontra r-rieda tagħha bil-għan li tiġi sfruttata għal profitt.

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Malta jispjega li persuni li jispiċċaw vittmi ta’ dan ir-reat ħafna drabi jgħaddu minn tbatijiet kbar u jkollhom bżonn għajnuna speċjalizzata biex ikunu jistgħu jerġgħu jibnu ħajjithom.

Il-Korp tal-Pulizija saħaq li "s-skiet jgħin lit-traffikanti", hekk kif dawn jiddependu fuq il-biża’ u l-kontroll biex ikomplu bl-attivitajiet kriminali tagħhom.

Il-Pulizija fakkret ukoll li biex isir rapport mhux meħtieġ li persuna tkun ċerta li qed iseħħ traffikar tal-bnedmin. Biżżejjed li jkun hemm suspett raġonevoli biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinvestigaw is-sitwazzjoni.

Dan l-appell qed isir bħala parti mill-Bee Heart Campaign, inizjattiva globali appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti li għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar it-traffikar tal-bnedmin u tħeġġeġ aktar nies jirrapportaw każijiet suspettużi.

Il-Korp temm il-messaġġ tiegħu b'appell ċar: jekk tissuspetta li xi ħadd jista' jkun vittma ta' traffikar tal-bnedmin, irrapporta minnufih.

"Li titkellem jista' jkisser iċ-ċiklu tal-kontroll u fl-aħħar mill-aħħar jista' jsalva ħajja," sostniet il-Pulizija.

Ritratti:

Facebook / Malta Police Force

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI