L-Aġent President Helena Dalli tfakkar li, “Illum huwa l-Jum Internazzjonali kontra l-AIDS.” Hi tispjega, “Fl-24 November 1991 il-mewt ta’ Freddie Mercury ġabitna konxji tal-periklu tal-HIV u l-AIDS. Dak iż-żmien il-marda kienet magħrufa iżda mhux mifhuma, u ħafna drabi kienet iġġib biża u stigma. Kull sena fl-1 ta Diċembru (sa mill-1988) ifakkru kemm għamilna passi ’l quddiem, imma wkoll kemm għad fadlilna x’nagħmlu f’dan il-qasam.”
Helena tkompli tgħid, “Fis-snin tmenin, meta xi ħadd kien jirriżulta pożittiv għall-HIV, kienet kważi dejjem sentenza tal-mewt. In-nies kienu jgħixu bil-biża’, bil-piż tal-istigma, u bil-ħsieb li ma kienx hemm futur għalihom. Illum jeżistu trattamenti u mediċini li jagħmlu l-virus kontrollabbli u li jippermettu lil ħafna nies jgħixu ħajja twila, u b’saħħitha.”
Hi żżid, “Imma dan ma jfissirx li nistgħu nserrħu moħħna. Għalkemm, permezz tal-avvanzi fil-mediċina, l-AIDS m’għadiex sentenza tal-mewt, il-prevenzjoni u l-għarfien jibqgħu għodod meħtieġa u qawwijin.”
Helena ttemm tgħid, “Min ikollu bżonn jista jirrikorri hawn: Sexual Health Malta (parti mid-direttorat tas-saħħa) hemm servizzi ta’ testijiet u kura għal STIs u HIV. GU Clinic – Sptar Mater Dei. Biex iċċempel għal appuntament: 2545 7491 / 2545 7494. Il-klinik jipprovdi servizzi ta’ testijiet u kura b’kunfidenzjalità.”
Facebook / Helena Dalli