Illum qed jiċċelebra għeluq sninu l-awtur u illustratur bravissimu Trevor Zahra li huwa magħruf sew għax-xogħolijiet letterarji tiegħu li jvajraw minn kotba, għall-poeżiji u saħansitra għan-novelli.
It-traġitt ta’ Trevor Zahra fil-letteratura Maltija beda proprju fl-1971 meta ippublika l-ktieb ‘Il-Pulena tad-Deheb’ għalkemm fis-snin ta’ qabel, minkejja l-età żgħira tiegħu, kien diġà beda jikteb diversi poeżiji u stejjer oħrajn għat-tfal.
Fis-snin ta’ wara Trevor ħareġ b’fost l-aqwa xogħolijiet li qatt rat il-letteratura Maltija tant li fl-2004 l-kontribut tiegħu ġie rikonoxxut bl-ogħti tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Illum il-ġurnata Trevor huwa l-awtur ta’ iżjed minn 140 ktieb u r-rebbieħ għal iżjed minn 18-il darba tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fost diversi premji prestiġjużi oħrajn li kellu l-unur jirbaħ.
Ħafna jammiraw ukoll il-ħiliet tiegħu fejn tidħol l-arti tal-illustrazzjoni hekk kif Trevor jieħu ħsieb jillustra l-kotba tiegħu stess.
Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Trevor Zahra!
Facebook / Trevor Zahra