Illum jagħlaq sninu l-awtur, kittieb u xandar Malti Joe Julian Farrugia, li twieled fl-1962, u li matul is-snin bena karriera fid-dinja tal-kultura u x-xandir f’Malta.
Joe Julian huwa isem sinonimu mal-kitba u l-preżentazzjoni lokali, b’kontribut qawwi kemm f’kitba tal-kanzunetti kif ukoll nisimgħu leħnu fuq ir-radju. Fis-snin disgħin beda jħalli l-marka tiegħu fil-festivals nazzjonali, fejn ħa sehem b’mod regolari u kiseb diversi suċċessi.
Fost l-aktar kisbiet notevoli tiegħu nsibu r-rebħ tal-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija fl-2013 bil-kanzunetta Hawn Mill-Ġdid ta’ Olivia Lewis, kif ukoll suċċessi riċenti fil-Mużika Mużika tal-2021 permezz ta’ Ħarsa Biss ta’ Glen Vella u tal-2023 permezz ta’ Sabiħa ta’ Gianluca Bezzina. Barra minn Malta, ismu wkoll spikka, b’rebħiet fil-Festival Discovery fil-Bulgarija darbtejn u ħames darbiet fil-Festival Ti Amo fir-Rumanija.
Il-ħidma tiegħu ma tieqafx biss fil-mużika. Joe Julian kiteb għadd ta’ produzzjonijiet għall-palk, fosthom pantomimi, musicals u xogħlijiet soċjali, bil-produzzjoni Caravaggio – The Musical tkun waħda mill-aktar magħrufa. Kiteb ukoll il-kor sinfoniku Elfejn u Tmintax għall-ftuħ ta’ Valletta 2018, kif ukoll il-mini-musical Malta: The Place To Be li rrappreżenta lil pajjiżna fl-Expo ta’ Dubai.
Fil-qasam letterarju, ħareġ ħames kotba – fosthom is-sensiela Għamlu Isem u r-rumanz Strada Stretta. Filwaqt li fil-qasam tax-xandir, beda fuq ir-radju fl-1993 u aktar tard kompla fit-televiżjoni, fejn ipproduċa u kiteb diversi programmi, inkluż Bijografiji, kif ukoll dramas popolari bħal Simpatiċi u Il-Prinċipal.
Illum, jibqa’ attiv fix-xandir permezz tal-programm tar-radju “Joe Julian Filgħodu”, fejn kuljum jilħaq udjenza wiesgħa b’stil familjari. F’dan il-jum speċjali, nawgurawlu sena oħra mimlija suċċessi, saħħa u aktar ħidma kreattiva. Xewqat sbieħ mingħand it-tim ta’ Gwida.mt.
Facebook / Joe Julian Farrugia