Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq il-mezzi soċjali tiegħu qasmu aġġornament wara l-ħsara li ġarrab Għar Lapsi bil-maltemp. Huma kitbu, “Illum kulħadd jinsab imnikket u mħasseb bil-ħsara li ġarbet il-bajja tagħna, Għar Lapsi. Matul il-ġurnata saret valutazzjoni tas-sitwazzjoni diversi drabi, u kienet xena ta’ niket li wieħed jara dan il-post tant għal qalbna jġarrab ħsarat kbar minħabba s-saħħa tan-natura.”
Huma jżidu, “Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jimpenja ruħu bis-sħiħ sabiex, bl-aħjar mod possibbli, Għar Lapsi jerġa’ jingħata l-ħajja li dejjem kellu. Għaldaqstant, għada filgħodu se ssir żjara fuq il-post flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, taħt it-tmexxija tal-Onor. Omar Farrugia, sabiex jitfassal pjan ta’ tindif, issir evalwazzjoni dettaljata tal-ħsarat u jibda xogħol koordinat biex is-sit jerġa’ jkun jista’ jintuża mill-pubbliku. Dan mhux se jkun proċess ta’ ftit jiem, hekk kif il-ħsarat huma estensivi.”
Ma’ dan jgħidu wkoll, “Bl-għaqda u bl-għajnuna ta’ ħafna persuni, dan il-għan jista’ jintlaħaq, kif dejjem sar fil-passat. Nota importanti: Anke wara li jgħaddi dan il-maltemp, se jibqgħu jeżistu diversi perikli. Għalhekk qed isir appell biex wieħed ma jersaqx lejn it-truf, jevita li jinżel fl-inħawi tal-għerien u ma jmurx fiż-żona tal-BBQ sakemm ma jinħarġux avviżi oħra. Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom.”
Facebook / Kunsill Lokali Is-Siġġiewi